'Il-Partit Laburista nqasam f’żewġ partiti politiċi'
Simon Busuttil bi twissija pulita lejn il-partit l-ġdid meta qal li hu biss l-PN l-alternattiva għal Joseph Muscat
More in Politika
Simon Busuttil bi twissija pulita lejn il-partit l-ġdid meta qal li hu biss l-PN l-alternattiva għal Joseph Muscat
Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 irrefera għall-fatt li issa, b’mod uffiċjali, l-Partit Laburista nqasam f’żewġ partiti politiċi, wieħed immexxi minn Joseph Muscat u l-ieħor minn Marlene Farrugia. Hawnhekk, hu rrefera għall-fatt li t- tmexxija ta’ Joseph Muscat qed twassal biex il-Partit Nazzjonalista għadu jistenna - aktar minn tliet snin - għal żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament, waqt li issa hemm il-konfermi ta’ voti lill-barranin li qatt ma kellhom jingħataw.
Il-kap Nazzjonalista donnu biex jirribatti l-partit ġdid ta' Marlene Farrugia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku alternattiva għall-politika maħmuġa ta’ Joseph Muscat. Hu qal li kieku qed ngħixu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, kieku la Konrad Mizzi, la Keith Schembri u lanqas Joseph Muscat m’għadhom fil-karigi tagħhom. Hu qal li pajjiżna m’għandu qatt ikollu xi ħaġa anqas minn pajjiż ieħor.
Hu rrepeta l-appell li diġà għamel, jiġifieri li l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija jiġi appuntat bi qbil taż-żewġ terzi tal-Parlament, biex tintgħażel persuna li kapaċi tkun indipendenti. “Jekk Muscat jirrifjuta l-proposta tagħna, jkun ifisser li jrid Kummissarju tal-Pulizija li ma jinvestigax il-korruzzjoni li teżisti,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-istħarriġ tal-Maltatoday li filwaqt li juri li t-traffiku hija l-akbar problema għall-poplu Malti u Għawdxi, fit-tieni u fit-tielet post hemm il-korruzzjoni u l-Panama Papers. Simon Busuttil qal li hu inaċċettabbli li jkollok iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru juża l-interessi kummerċjali tiegħu kontra l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll kontra t-Times.
Hawnhekk, Simon Busuttil sostna li hu jrid politika differenti, u f’pajjiżna jkun hawn xi ħadd li qed jgħid li dak li qed jiġri hu inaċċettabbli u li lest jagħmel l- affarijiet b’mod differenti.
Simon Busuttil irrefera għall-proposti dwar governanza tajba li l-Partit Nazzjonalista nieda f’Diċembru li għadda, biex in-nies jerġa’ jkollhom il- fiduċja fil-politika u fil-politiċi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-għan tiegħu hu li din is-sena stess, jirrevedi dawn il-proposti u jagħti skadenza sa meta dawn ikunu qed jiġu implimentati ladarba l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fil-Gvern. B’dan il-mod, sostna Simon Busuttil, inkunu qed nuru li aħna determinati li nwettqu politika nadifa, u li f’pajjiżna, l-uniku alternattiva għall-politika maħmuġa ta’ Joseph Muscat, hija l-Partit Nazzjonalista.