L-Assoċjazzjoni tal-baned Maltin imċaħħda mill-Premju Ċittadin tas-Sena
Alfred Sant ipprotesta dwar din id-deċiżjoni b'ittra lil Schulz
More in Politika
Alfred Sant ipprotesta dwar din id-deċiżjoni b'ittra lil Schulz
“L-ASSOĊJAZZJONI TAL-BANED MALTIN” ġiet imċaħħda mill-Premju Ċittadin Ewropew 2016 minkejja li s-sitt Membri Parlamentari Maltin b’mod unanimu innominaw lil din l-Assoċjazzjoni għall-Premju Ċittadin Ewropew ta’ din is-sena. Il-Kumitat tal-Għoti tal-Premijiet tal-Parlament Ewropew caħħad dan il-premju lill-Assoċjazzjoni Maltija mingħajr ebda konsultazzjoni mal-MPE Maltin. Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant wera d-diżappunt tiegħu għal din id-deċiżjoni f’ittra li bagħat lil Martin Schultz, il-President tal-Parlament Ewropew.
Dr Sant qal lil Schultz li ma jistax jifhem kif il-Kumitat tal-Għoti tal-Premju Ċittadin Ewropew sfaċċatament injora r-riflessjoni li saret mis-sitt MPE Maltin biex flimkien approvaw l-għażla tagħhom. “Qed nassumi li dan għamluh wara li qiesu n-nomina għal ftit minuti, mill-bogħod ta’ Brussell u bi ftit għarfien tal-kuntest Malti. Żgur li deċiżjonijiet ta’ dan it-tip jitfgħu lill- Parlament Ewropew f’dawl ikrah, fi żmien meta l-istituzzjonijiet Ewropej qed ikunu meqjusa mill-votanti Ewropej bħala distanti, elitisti u b’wisq poter – problema li naf li qed tinkwetak. Nixtieq inkun naf l-opinjoni tiegħek dwar dan.” qal Dr Sant fl-ittra lil Schultz.
L-Assoċjazzjoni tal-Baned Maltin kienet approvata mis-sitt Membri Parlamentari Maltin għall-premju tas-sena 2016 għal dawn ir-raġunijiet:
--sena wara l-oħra, intgħażlu organizzazzjonijiet volontarji fil-qasam soċjali u dak tas-saħħa, issa l-waqt għal bidla lejn is-settur kulturali;
--l-għaqdiet tal-banda f’Malta jwettqu ħidma mingħajr qligħ u jiffurmaw xibka ta’ soċjetajiet, mifruxa tul il-gżejjer Maltin. Huma attivi u jgħaqqdu l-komunitajiet flimkien billi b’mod regolari jorganizzaw kunċerti, marċijiet, festi fl-irħula, ċerimonji reliġjużi u lezzjonijiet u kompetizzjonijiet tal-mużika. Dawn iservu biex jiżdied l-għarfien mużikali u kulturali.
--jiddedikaw ħafna ħin u enerġija għal dawn l-attivitajiet li jsiru totalment mill-voluntieri, ġejjin minn oqsma politiċi differenti. Skont l-aħħar statistika, aktar minn 10% tal-popolazzjoni tinvolvi ruħha f’dawn l-attivitajiet, xhieda ta’ għaqda nazzjonali.