L-aqwa politika għal Għawdex trid titfassal mill-Għawdxin - Comodini Cachia
Intervistata f'Għawdex f'egħluq is-sentejn mill-ħatra tagħha
minn John Busuttil
“L-aħjar politika għal Għawdex hija dik li titfassal mill-Għawdxin stess. Il-politika hija n-nies u għandhom jingħataw l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jwasslu l-politika li jridu huma”. Hekk stqarret l-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia waqt konferenza dwar it-tieni sena ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew, li saret fil-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem f’Għawdex.
Matul din l-attività, Therese Comodini Cachia wieġbet il-mistoqsijiet li sarulha mill-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt Beppe Galea u l-ġurnalist John Busuttil għall-Illum, kif ukoll mistoqsijiet oħra li sarulha mill-persuni preżenti.
Hija tkellmet ukoll fuq proġetti li ġew imwegħda mill-Gvern Laburista għal Għawdex. Dwar il-proġett tal-mina, saħqet li diġà kien sar studju li juri li l-mina kienet l-aħjar għażla flok pont u għalhekk ma kienx hemm bżonn studji oħra.
Għall-mistoqsija dwar ir-riżultati ekonomiċi, Comodini Cachia qalet li filwaqt li huwa importanti li r-rapporti tal-aġenziji tal-kreditu internazzjonali għal Malta jkunu pożittivi, sfortunatament ħafna mill-jobs b’pagi għoljin qed jispiċċaw jittieħdu mill-barranin. Spjegat li hawn bżonn ta’ aktar investiment fil-faxex medji u baxxi biex il-livell tal-għajxien tagħhom jitjieb. Fi tweġiba għall-mistoqsija dwar il-kawża Kostituzzjonali tal-Partit Nazzjonalista fuq is-siġġijiet fil-Parlament Malti, Comodini Cachia qalet "li minkejja r-reżistenza tal-Gvern għandu jingħata r-rispett li jixraq lil kull votant, lill-Qorti f’Malta u l-ġustizzja”. Dan hekk kif il-Gvern Laburista appella d-deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti.
Dwar ir-rwol tal-Ewroparlamentari fil-kuntest lokali, Therese Comodini Cachia qalet li r-rwol ta’ MEP għandu jkun li dejjem iħares l-interess tan-nies u jagħmel skrutinju tal-ħidma tal-Gvern f'dak li jirrigwarda din il-ħidma kif tolqot obbligi Ewropej. Dan għaliex, kull Malti u Għawdxi għandu jgawdi minn standards għoljin fit-tmexxija u għandu dritt ikun jaf il-Gvern x'qed jagħmel.
Hija tkellmet ukoll fuq l-istudenti u ż-żgħażagħ, partikolarment dawk Għawdxin u kif għodda bħalma huma start-ups u business incubators jistgħu jgħinu b’mod speċjali liż-żagħżagħ Għawdxin biex jibqgħu jaħdmu f’Għawdex stess. Qalet li ż-żgħażagħ b’ideat innovattivi għandhom ikollhom aċċess għall-finanzi biex iwettqu l-ideat tagħhom. Spjegat li hija sfortuna li f’pajjiżna mhux qed ninvestu biżżejjed fir-riċerka.