'Claudio Grech qal lil whistleblower biex jiskot'

Skont il-PL Claudio Grech se jkollu ħafna xi jwieġeb fil-qorti filwaqt li Claudio Grech qed jgħid li din hi gidba sfaċċata u se jiftaħ proċeduri ta' libell

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista tal-Mellieħa staqsa x’ser jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront ta’ Claudio Grech? "Simon Busuttil jitkellem tant dwar standards fil-politika u llum naraw kif Claudio Grech, meta kienet ħierġa l-istorja taż-żejt, qal lill-whistleblower biex jiskot u biex jiddisasoċja ruħu għax qed jagħmel ħsara lil Austin Gatt. Imur għand il-whistleblower biex jagħlaq ħalqu. Issa x’ser jagħmel Simon Busuttil?, staqsa l-Prim Ministru filwaqt li fakkar kif Busuttil kien qal lill-whistleblower ta’ Għawdex kif kien baqa’ għaddej bix-xogħol meta kien jaf li ser tintilef l-elezzjoni." 
Il-Partit Laburista jinnota li l-akkużi kontra Claudio Grech qegħdin f'affidavit fil-Qorti ta' Malta. L-akkużi saru kemm il-darba u qatt ma ġew miċħuda. Lanqas ġew miċħuda fl-istqarrija ġenerika ta' Claudio Grech li se jkollu ħafna xi jwieġeb quddiem il-Qorti. L-ikbar skandlu ta' korruzzjoni politika ppruvata għadu f'ħoġor Simon Busuttil u mhu jagħmel xejn dwaru. Busuttil huwa politikament responsabbli minn Claudio Grech. 

Sadattant Claudio Grech ħareġ stqarrija fejn qal li L-artiklu li deher fil-gazzetta tal-Partit Laburista ‘il-Kulħadd’, u rrepetut kelma b’kelma mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, "m’hu xejn ħlief attentat iddisprat biex jeqleb il-verità rasha ‘l isfel. Hija gidba sfaċċata li jien “ippruvajt insikket whistleblower”. Il-fatti juru li mhux talli ma ppruvajt insikket lil ħadd, iżda talli dejjem ħeġġiġt lil kull min kellu l-iċken ħjiel ta’ irregolarità biex imur fl-uniku post fejn għandu jmur, jiġifieri direttament għand il-Kummissarju tal-Pulizija. Għaldaqstant, se niftaħ proċeduri ta’ libell fil-Qorti kontra l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat u kontra l-gazzetta tal-Partit Laburista ‘il- Kulħadd’, u kontra kull min qiegħed jiprova jaqleb il-verità tal-fatti rasha ‘l isfel."

 

More in Politika