Mix-xellug sal-lemin u lura: Ir-realtajiet ideoloġiċi tat-tmien partiti Maltin
L-ILLUM tħares lejn l-istramberija tal-ispettru politiku lokali u l-għażliet li għandu quddiemu llum il-votant Malti u Għawdxi

minn Albert Gauci Cunningham

Il-ġimgħa l-oħra kien imniedi partit ġdid, il-partit l-oranġjo ta’ Marlene jew inkella b’ismu proprju, il-Partit Demokratiku. Minkejja li ħafna qed isejħu l-partit ta’ Marlene bħala ‘t-tielet partit’ fil-verità dan mhu minnu xejn. Il-partit ta’ Marlene mhu, la t-tielet u lanqas ir-raba’ partit, imma fil-verità s-seba’ partit li għandna f’pajjiżna bħalissa, u dan jekk ma ngħoddux il-Partit Komunista Malti li ilu ma joħroġ għall-elezzjoni ġenerali mis-snin 80.
Jekk wieħed iħares lejn l-ispettru politiku li l-ILLUM qed tirriproduċi f’dawn il-paġni, jista’ faċilment jinnota kif l-akbar biċċa tal-kejk politiku jmur għaż-żewġ partiti l-kbar. Minkejja li t-tmexxija, kemm tal-PN kif ukoll tal-PL hija waħda b’mod ġenerali ċentrista, ż-żewġ partiti la jibdew u lanqas jieqfu fiċ-ċentru. Fil-fatt, huwa fatt importanti li l-bażi taż-żewġ partiti xorta jibqa’ marbut max-xellug, fil-każ tal-Partit Laburista u l-lemin fil-każ tal-Partit Nazzjonalista.
Minkejja li kemm Joseph Muscat kif ukoll Simon Bususttil, illum ma tantx huma ħerqana biex jidhru li qegħdin jappellaw biss għax-xellug jew il-lemin, il-verità hija li parti kbira mill-għeruq huma marbutin mal-ideoloġija li magħha dejjem kien marbut l-istess partit.
Religio et Patria: Kien xi darba!
Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem, mill-għeruq u l-istorja tiegħu kien il-partit meqjus eqreb tal-Knisja u li huwa aktar pro-klerikali. Jekk wieħed jara l-istorja tal-partit, u m’għandniex għalfejn immorru lura għall-iStricklands u l-Mizzis, jintebaħ kif il-PN kien dejjem jirrivolvi madwar ir-‘Religio et Patria’, l-isem tal-innu tal-partit li għadu jindaqq sal-ġurnata tal-lum.
Illum iżda l-PN mhux neċessarjament għadu d-dar naturali tal-Kristjani Demokratiċi, anke jekk dawk li huma konservattivi fuq kwistjonijiet soċjali dejjem se jibqgħu jippreferu lilu, mill-Partit Laburista. Wara li l-moviment kontra d-divorzju, li kien appoġġjat mit-tmexxija tal-Knisja Kattolika Maltija u mill-aktar elementi influwenti fil-PN tilef ir-referendum, kien jidher li ħafna persuni meqjusin bħala konservattivi ħarġu kompletament ’il barra mix-xena politika.
Fil-fatt, l-istess referendum, għalkemm kien wieħed li kellu jiddeċiedi dwar liġi, kien mar lil hinn minn hekk u nbidel f’eżerċizzju u test ta’ rilevanza u saħħa bejn il-forzi konservattivi li dejjem kienu fil-Knisja jew allineaw ruħhom magħha, anke jekk sottilment, u dawk il-forzi aktar liberali. Minkejja kampanja qawwija u b’saħħitha, l-akbar telliefa dehret li kienet it-tmexxija tal-Knisja Kattolika f’Malta u ma’ dik it-telfa jidher li bdew id-dubji min-naħa tal-PN dwar kemm jagħmel sens li jibqa’ jkun allineat, jew ikkunsidrat li hu viċin il-Kurja u l-ogħla persuni fil-Knisja.
Minn dakinhar, il-PN astjena fuq il-vot tal-Unjoni Ċivili bejn persuni tal-istess sess u iktar riċenti l-Kap tal-PN saħansitra ħa pożizzjoni favur żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Dan apparti li l-PN ta l-appoġġ tiegħu meta l-Parlament kellu l-Liġi tal-Ġeneru quddiemu u mal-gazzetta MaltaToday, Busuttil kien qal li l-PN għad irid jieħu pożizzjoni dwar l-iffriżar tal-embrijuni.
Minkejja li fis-silenzju, porzjon konsiderevoli ta’ votanti u uffiċjali tal-PN mhumiex kuntenti li dan mexa lil hinn mill-ideal ‘Kristjan’ tiegħu. Hemmhekk inħoloq l-ewwel vakum. Vojt ta’ votanti, li anke jekk jibqgħu simpatizzanti tal-PN, iħossu li l-partit ‘tagħhom’ qed jaqbel u jirrapreżenta ideat li qed jippromwovu stil ta’ ħajja li tmur kontra s-sett ta’ valuri u morali tagħhom. Dan il-vojt illum qed iħares lejn il-Kurja u lejn l-Arċisqof Charles J Scicluna, biex ikunu t-tarka tal-konservattiviżmu u tal-valuri tradizzjonali li huma dejjem ħaddnu.
F’dan il-vakum hemm nies li għalihom, il-valuri ma jibdewx u jispiċċaw mal-individwu, imma jqisuhom bħala l-bażi tas-soċjetà nnifisha. Dik li jsejħulha ‘libertinaġġ’ jew inkella dak li l-liberali jaraw bħala ‘għix ħajtek kif trid basta ma taffetwax lili’, jarawha bħala s-susa tal-fibra morali u għalhekk tas-soċjetà nnifisha.
...il-konservattiv fuq il-lemin
Jekk inħarsu lejn l-ispettru politiku, naraw li fir-realtà, partit li jista’ realment jiġi ttimbrat bħala konservattiv huwa wieħed: Alleanza Bidla mmexxi minn Ivan Grech Mintoff.
Fil-fatt, Grech Mintoff huwa wieħed mill-aktar nies li tkellmu kontra dak li jsejjaħ ‘indottrinazzjoni tat-tfal tal-iskejjel dwar il-ġeneru’. Hu kien qed jirreferi għat-tqassim ta’ kotba u materjal fl-iskejjel li jivviżwalizza familji differenti li jeżistu fis-soċjetà u persuni diversi, fosthom dawk li ma jħossuhomx komdi bis-sess li jkunu twieldu bih. Grech Mintoff fetaħ il-kanuni u saħaq li s-soluzzjoni hija waħda politika u legali. Hu hedded lill-Gvern li l-liġi qiegħda fuq in-naħa tiegħu u li se jkun lest jieħu l-passi li hemm bżonn biex din ‘l-indutrinazzjoni’ tieqaf. Apparti li huwa kontra l-abort, Grech Mintoff ħa pożizzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijuni u kien ħadha qatta bla ħabel kontra l-għoti tad-dritt li koppji omosesswali jadottaw tfal. Huwa kien qal li l-Gvern daħħal l-adozzjoni għal ġenituri tal-istess sess b’mod diżgustanti, liema kritika wasslet biex ftit wara kien imneħħi minn chairman tal-Bord tal-Adozzjonijiet.
...imma jgħid li xellugi
Minkejja li Grech Mintoff kapaċi jkun vuċi għal bosta nies li jħossu li l-ideat tagħhom sfaw orfni, fil-fatt mhux. Għax għalkemm qed joffri alternattiva aktar konservattiva mill-PN, Grech Mintoff joffri dilemma serja lil dawk in-Nazzjonalisti li jistgħu jersqu lejn l-Alleanza Bidla.
Grech Mintoff kien Laburist u kien jallinea ruħu ma’ dan il-partit għal żmien twil. Minbarra li ġej mill-familja ta’ l-eksmexxej Laburista Dom Mintoff huwa kien kontra s-sħubija ta’ Malta fl-UE, l-istess bħalma kien il-Partit Laburista dak iż-żmien, u llum qed jitlob biex Malta tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fl-UE, wara li terġa’ tinnegozja l-pakkett li Gvern Nazzjonalista nnegozja qabel l-2003.
Dan ifisser li Grech Mintoff jappella għal dak il-vakum li qed iħares lil hinn mill-PN fejn jirrigwarda ideat relatati ma’ kwistjonijiet morali, però mbagħad ibeżżagħhom meta jirrapreżenta kważi l-antiteżi tat-twemmin tal-PN fir-rigward ta’ relazzjonijiet mal-UE u jallinea ruħu fl-idea, aktar ma’ xi ħadd bħal Karmenu Mifsud Bonnici (l-eks-PM u Mexxej Laburista).
L-unika tama ta’ Grech Mintoff huwa li jattira l-voti min-naħa l-oħra tal-ispettru politiku, jiġifieri mix-xellug, mill-Partit Laburista, fejn diġà għandu kompetizzjoni qawwija ħafna.
Il-Partit tal-Ħaddemin...?
Il-Partit Laburista bħalissa għaddej minn xi ftit jew wisq ta’ kriżi ideoloġika, sforz il-fatt li mill-aħħar li kien fil-Gvern għaddew ħafna snin. Il-Partit Laburista llum qed jiggverna f’ambitu ekonomiku u soċjali kompletament differenti minn dak tas-sebgħinijiet jew tat-tmeninijiet, u l-partit tal-ħaddiem ta’ dakinhar inbidel f’dak li Muscat sejjaħlu l-moviment tax-xogħol, fil-ftuħ tal-Konferenza straordinarja tal-PL nhar il-Ħamis li għadda.
Bħal kull partit ieħor fil-Gvern, il-PL qed jaffaċċja emorraġija partikolari, speċjalment fost numru ta’ votanti li dejjem taw l-appoġġ lilu. Ħafna nies huma diżappuntati li fil-Partit Laburista mhux qed isibu l-wens li dejjem ħasbu li se jsibu fi Gvern Laburista.
Wieħed jista’ jikkonkludi li l-aktar elementi xellugin tal-partit, illum ma tantx jinsabu kuntenti bl-idjoma politika użata f’dawn l-aħħar snin, fejn setgħet ingħatat l-impressjoni li l-PL qed jinjora l-għeruq soċjalisti tiegħu, għal bixra u politika li hija ħafna iktar leminija u xi minn daqqiet kapitalista, mibnija kważi b’esklussività fuq il-flus. Dan mhu qed jinżel tajjeb xejn ma’ settur ta’ Laburisti, speċjalment dawk li dejjem raw rwol aktar ċentrali għall-Gvern fit-tqassim tal-ġid lejn is-saffi medji-baxxi tas-soċjetà.
Oranġjo jew aħmar ċar?
Il-Partit Demokratiku ta’ Farrugia għadu fl-infanzja u għalhekk ftit jista’ jingħad dwar dak li jemmen, dwar l-ideoloġija tiegħu u dwar kif se jħaddem l-istess ideal. Farrugia iżda qalet li l-partit se jkun ċentru-xellugi, u għalhekk jista’ jkun li l-eżistenza tiegħu se tkun tiddependi ħafna mill-appoġġ li jista’ jingħata minn Laburisti u xellugin li bħan-Nazzjonalisti konservattivi, illum iħossuhom politikament orfni.
Mill-ewwel reazzjoni iżda jidher li minkejja dan il-vakum fuq ix-xellug, huwa ċ-ċentru lemin jew il-PN li jista’ jitlef l-aktar minn dan il-partit. Dan jixhdu l-ewwel stħarriġ tal-MaltaToday li fih dehret Marlene Farrugia u anke l-mod kif Simon Busuttil mar fuq offensiva partikolari li prattikament diġà intużat qabel. L-offensiva hija mibnija fuq l-argument tal-‘vot moħli’ jekk jingħata lill-partiti ż-żgħar: argument li l-PN uża fil-konfront tal-Alternattiva Demokratika bosta drabi.
Dan jista jfisser li minkejja l-appell lejn ix-xellug li jista’ jkollha Farrugia, l-attenzjoni kollha li ngħatat fuq il-midja tal-PN u għalhekk mill-ispettru taċ-ċentru lemini, darrset ħafna Laburisti u xellugin li jippreferu jibqgħu orfni milli jintrabtu ma’ karru xi ftit jew wisq splussiv u imprevedibbli.
Naturalment iżda l-PD għadu ġdid fjamant fix-xena u wieħed għad irid jara jekk l-oranġjo hux se jġib appoġġ mix-xellug stess fejn jinsab, jew inkella jkollu jikkuntenta bil-voti mil-lemin fejn għandu kompetizzjoni ħarxa.
L-aħdar u l-blu, minflok l-aħdar u l-aħmar
Fattur interessanti ieħor fl-ispettru politiku Malti huwa dak tal-Alternattiva Demokratika. Jista’ jkun li r-raġuni għall-fatt li dan il-partit, li għalkemm dejjem kellu ideat u politiki ċari u konsistenti, ma tantx għamel suċċess fl-aħħar 27 sena, għajr għal darba fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huwa għaliex qatt ma kellu appoġġ solidu u konsiderevoli biżżejjed mix-xellug.
Għalkemm l-AD għandha politika li twieżen lill-batut u lill-fqir, politika ta’ ġustizzja soċjali u politiki msejsin fuq il-bżulija u sistema ta’ welfare sostenibbli, l-istorja politika Maltija riedet li dan il-partit, fl-aktar mument kruċjali ta’ dan il-pajjiż fl-aħħar 16-il sena kienet allineata maċ-ċentru lemin, fuq il-kwistjoni tal-UE.
Il-fatt li l-AD ġustament, ħadmet favur is-sħubija ta’ Malta fl-UE meta l-PL kien b’ruħu u ġismu kontra, fisser li tilef l-appoġġ ta’ dawk li fuq kwistjonijiet fundamentali wkoll, kienu jaħsbuha bħalha. Għal snin allura l-AD iddependiet fuq l-appoġġ tan-Nazzjonalisti. B’xofa għaliha, meta wasal il-mument tal-elezzjoni tal-2003, il-PN rema’ l-appoġġ tal-AD fil-ġenb u reġa’ uża l-argument tal-vot moħli.
B’hekk il-Laburisti xellugin kontra sħubija tal-UE tbiegħdu mill-AD, filwaqt li votanti tal-PN, issa bdew jaraw theddida fl-istess partit. Dan ħalla lil dan il-partit fil-grupp tal-Ħodor Ewropej b’nukleu żgħir ta’ nies, li għalkemm sodi u leali lejn il-prinċipji, huma żgħar fin-numru.
Jista’ jkun li dawk ix-xellugin li baqgħu lura milli jagħtu l-appoġġ lill-AD, issa jduru għall-oranġjo ta’ Marlene. Min jaf? Issa naraw...
(Il-ġimgħa d-dieħla l-ILLUM tħares lejn l-estremi. Ix-xellug u l-lemin estrem f’pajjiżna)


