Il-PN se jistudja l-proposta ta’ Mintoff dwar kontroll fuq il-kirjiet

....imma jesiġi li qabel isir studju tal-impatt li l-proposta tista’ tħalli

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jistudja “fid-dettall” il-proposta ta’ Yana Mintoff Bland dwar kontrolli fuq kirjiet privati. Nhar il-Ħadd 29 ta’ Mejju, din il-gazzetta żvelat proposta ta’ Mintoff f’mozzjoni ppreżentata lill-Prim  Ministru fost l-oħrajn, li fiha qed tisħaq li għandu jkun stabbilit massimu ta’ kemm tista’ togħla kirja privata. Mintoff, f’isem il-Forum Komunità Bormliża, qed tipproponi li l-kirjiet privati ma jogħlewx b’iktar minn 5% tal-medja tal-kirjiet f’dik il-lokalità jew żona. 

Ikkuntattjata minn l-ILLUM il-Kelliema tal-PN għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Partit se jkun qed jistudja fid-dettall din il-proposta, flimkien ma’ oħrajn qabel ma jibda jkun iffurmat il-programm elettorali l-ġdid. Saħqet ukoll iżda li minbarra dan, jeħtieġ “isir studju serju dwar x’impatt din it-tip ta’ proposta tista’ tħalli fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni kif ukoll fuq in-negozju tal-proprjetà.” Mifsud Bonnici ddeskriviet il-proposta ta’ Mintoff bħala waħda “drastika” u għalkemm din kienet implimentata f’diversi bliet Ewropej, primarjament f’Berlin u Pariġi, il-kelliema tal-PN fakkret li “wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni wkoll iċ-ċokon ta’ pajjiżna li mhux dejjem neċessarjament ifisser li dak li jgħodd għal bliet oħra Ewropej japplika għalina wkoll.”

Intant mal-ILLUM, Mifsud Bonnici qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li b’mod immedjat, il-Gvern għandu jżid is-sussidju għal dawk in-nies bi dħul baxx u li qed jikru mill-privat. Id-deputata Nazzjonalista fakkret ukoll li “għalhekk il-PN, fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura kritika bl-aħrax id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jgħolli, bla ebda konsultazzjoni ta’ xejn, il-kirijiet tal-Awtorità tad-Djar. Dan kien piż enormi fuq mijiet ta’ familji li ltqajt magħhom fix-xhur li għaddew, u dan peress li min kien qed ibati, spiċċa jbati aktar.”

Ir-reazzjoni ta’ Mifsud Bonnici tiġi wara li l-Gvern, permezz tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna li m’għandux dritt jindaħal fis-suq tal-kirjiet privati: sentiment li esprimieh il-Prim Ministru stess f’laqgħa li kellu ma’ Yana Mintoff Bland. Il-proposta ġabet ukoll reazzjonijiet imħalltin, b’Sandro Chetcuti mill-Malta Developers Association ma jaqbilx u jipproponi skema fejn l-Awtorità tad-Djar tasal fi qbil ma’ sidien ta’ proprjetà antika u vojta, tirranġa l-postijiet u tikrihom għall-housing soċjali.  

Ma’ dan iżda ma tantx jaqbel l-avukat u riċerkatur tal-housing Kurt Xerri li f’artiklu li deher il-Ħadd li għadda fuq l-ILLUM saħaq li l-Gvern mhux talli għandu l-possibbiltà li jagħmel kontrolli fuq is-suq tal-kiri biex jipproteġi lill-batut, talli skont Xerri, għandu dmir. Charles Miceli mill-Alleanza Kontra l-Faqar ukoll ammetta li filwaqt li miżura bħal din tista’ ddejjaq jew tweġġa’, “il-proposta ta’ Mintoff għandha tiftaħ dibattitu dwar jekk għandniex inħallu s-suq isuq jew b’xi mod nagħmluh iktar uman.”

More in Politika