47% tal-qarrejja huma kontra l-iżvilupp ta' iktar torrijiet

... u 26% tal-qarrejja tal-illum.com.mt jaqblu li basta dan isir f’żoni speċifiċi biss

It-torri propost mill-Grupp Gasan f'Tas-Sliema
It-torri propost mill-Grupp Gasan f'Tas-Sliema

Id-diskussjoni dwar l-iżvilupp ta’ bini għoli reġgħet qamet fil-pajjiż, hekk kif kienu żvelati pjani differenti għaż-żona tal-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, li se twassal għall-iżvilupp ta’ mill-anqas żewġ torrijiet fiż-żona. L-iżvilupp se jinkludi mega-proġett fuq is-sit fejn illum hemm il-bini tal-ITS li se jinbidel f’lukanda ta’ sitt stilel, l-ewwel tat-tip tagħha f’pajjiżna, u proġett kbir ieħor li jinkludi appartamenti, lukanda ta’ lussu u torri mal-ġenb fuq l-art li llum tkopri ż-żona ta’ Villa Rosa.

Minkejja li l-pjani kollha jduru madwar lokalità u żona partikolari, l-illum.com.mt staqsiet lill-qarrejja tagħha jekk jaqblux ma’ żvilupp ta’ bini li jitla’ ’l fuq, jew dawk li huma magħrufin bl-Ingliż bħala skyscrapers. Ftit iktar minn nofs ta’ dawk li pparteċipaw, jew 50.4% qalu li jablu ma’ dan it-tip ta’ żvilupp, filwaqt li minoranza qawwija ħafna ta’ 47% qalu li ma jaqblux.

Minkejja li r-riżultat tal-istħarriġ kien wieħed qrib ħafna, l-aktar risposta popolari għall-mistoqsija kienet fin-negattiv. Fil-fatt 42% ta’ dawk kollha li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ ma jaqblux ma’ dan it-tip ta’ żvilupp minħabba li ‘dan il-bini mhux postu f’pajjiżna’. Dan, probabbilment jirrifletti l-fatt li ħafna nies dejjem attribwew dan it-tip ta’ żvilupp ma’ bliet kbar barra minn Malta u mhux ma’ pajjiżna, fejn meta mqabbel, il-massimu ta’ kemm jista’ jogħla l-bini huwa wieħed pjuttost baxx.

Ftit iktar minn qarrej minn kull erba’ tal-illum.com.mt jaqblu ma’ dan it-tip ta’ żvilupp, taħt kundizzjoni partikolari, jiġifieri li dan isir f’żoni partikolari biss. Il-pjani ta’ proġetti żvelati huma kollha proposti fiż-żona ta’ Paceville u l-madwar, wara li l-Gvern preżenti kien għamel tibdiliet fil-politika li kienet tirregola l-għoli tal-bini. Fil-fatt, dawn il-proposti mill-privat jistgħu jsiru possibbli wara reviżjoni fil-politika tal-ippjanar li identifikat lil Paceville bħala żona fejn jista’ jsir bini għoli. F’intervista li dehret il-ġimgħa l-oħra fuq il-gazzetta MaltaToday il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) Johann Buttigieg spjega kif il-PA qabbdet konsulenti barranin bil-għan li jkun studjat l-impatt ta’ bini għoli fiż-żona ta’ Paceville u l-madwar

Jibqa’ argument popolari, għalkemm ikkontestat minn bosta attivisti ambjentalisti, li ‘aħjar nibnu ’l fuq milli nkomplu nieklu minn art verġni’, fil-fatt kienu b’kollox 24.3% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ li jifmuha b’dan il-mod. Kienu biss 4.7% li qalu li huma kontra bini għoli bħal dak propost fiż-żona tal-Bajja ta’ San Ġorġ minħabba l-pressjoni li dan jista’ jitfa’ fuq l-infrasstruttura tal-lokalità.

F’artiklu li deher fuq din il-gazzetta nhar id-29 ta’ Mejju li għadda, kemm il-Koordinatriċi ta’ Flimkien għall-Ambjent (FAA) Astrid Vella, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti u anke s-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chricop qablu li jeħtieġ li ma’ dan it-tip ta’ żvilupp isir pjanar serju. Chetcuti sostna li filwaqt li bħalissa fil-qasam tal-kostruzzjoni “kulħadd fgat bix-xogħol,” kompla jsostni li mingħajr pjanar serju pajjiżna jista jiffaċċja “babilonja sħiħa.”

More in Politika