Muscat jisħaq li l-edukazzjoni u x-xogħol huma ċ-ċavetta għal mobilita' soċjali

...fir-Russja l-PM Malti ifakkar fil-kisbiet li qed jagħmel pajjiżna bħalissa fil-qasam tax-xogħol 

Joseph Muscat jitkellem fir-Russja
Joseph Muscat jitkellem fir-Russja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa wieħed minn tliet mexxejja Ewropej li qed jipparteċipaw fis-St Petersburg International Economic Forum fir-Russja. Flimkien ma' politiċi, ekonomisti, riċerkaturi u ħassieba soċjali ewlenin minn madwar id-dinja, preżenti hemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi u l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.

Magħhom hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Ban Ki-moon. Fl-ewwel impenn tiegħu fir-Russja, Dr Muscat kien mistieden f’dibattitu dwar l-inklussività li ffoka fuq il-metodi ta’ kif soċjetà tista’ tindirizza d-diskrepanza bejn id-dħul tal-ħaddiema mingħajr ma xxekkel it-tkabbir ekonomiku. Il-Prim Ministru qal li, minkejja li jinstemgħu bħala żewġ agendas kontrastanti, fir-realtà l-ugwaljanza u t-tkabbir ekonomiku jimxu fl-istess direzzjoni.

Il-Prim Ministru qal li hemm bżonn it-tkabbir ekonomiku għal ugwaljanza sostennibbli. Sostna li huwa inutli li timplimenta programmi li jistgħu jagħtu tkabbir mil-lum għal għada iżda li mbagħad mhumiex sostennibbli. “Mhemmx lok għal politika artifiċjali iżda hemm bżonn it-twettiq ta’ inizjattivi konkreti li s-suq jiflaħ għalihom”, qal il-Prim Ministru. L-aqwa żewġ għodod għal ugwaljanza huma l-edukazzjoni u x-xogħol. Dawn, fi kliem, il-Prim Ministru, jassiguraw il-mobbilità soċjali.

Bħala mexxej tal-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, Dr Muscat fisser l-esperjenza ta’ Malta li qed jirnexxilha jkollha l-ikbar storja ta’ suċċess permezz ta’ miżuri li jistimulaw il-ġid. Semma s-servizz ta’ childcare b’xejn għal kulħadd li inċentiva ħafna ġenituri biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. “Nies li kienu jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali, illum ħerġin mir-riskju tal-faqar. Mhux bil-kastigi imma bil-motivazzjoni. Din hija prova ta’ kif il-politika tista twassal għal bidla pożittiva”, qal il-Prim Ministru.

Pajjiżna rnexxilu jnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ b’40% f’sentejn. Kruċjali kienet inizjattiva oħra sostennibbli – il-garanzija taż-żgħażagħ li tindirizza lil dawk li telqu mill-iskola iżda baqgħu bla impjieg. Mill-ġdid, żgħażagħ li kienu se jiddependu fuq benefiċċji għal ħajjithom, illum qed ikomplu fl-edukazzjoni jew jieħdu t-taħriġ biex jidħlu fix-xogħol.

Muscat qal li miżura oħra importanti hija l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-impjiegi tal-persuni b’diżabbilità li sa llum kienet biss fuq il-karta. L-intrapriżi f’pajjiżna issa jridu jħaddmu persentaġġ stabbilit ta’ persuni b’diżabbilità u, jekk ma jistgħux, iridu jħallsu kontribuzzjoni li tmur għat-taħriġ tal-persuni b’diżabbilità.

“Dawn kienu tliet inizjattivi li wettqet Malta u ssarfu f’riżultati konkreti”, temm jgħid il-Prim Ministru. F’dan id-dibattitu waqt is-St Petersburg International Economic Forum ħadu sehem fost oħrajn il-Viċi President tal-World Bank Group Cyril Muller u l-Global Health Advisory Leader ta’ EY Jim Costanzo.

 

 

More in Politika