Alternattiva Demokratika hija favur il-morning after pill

AD turi tħassib li ħafna drabi kwistjonijiet ta’ kontraċezzjoni u saħħa sesswali femminili jiġu mpenġija f’dawl negattiv.

Dr Claire Azzopardi Lane, il-kelliema għad-drittijiet ċivili,
diżabilità u affarijiet soċjali qalet: “L-introduzzjoni tal-Pillola
Kontraċettiva t’Emerġenza (PKE) għandha ssir b’għaqal. Il-PKE weħidha
tista’ twaqqaf mara milli tinqabad tqila f'mumenti ta' emergenza, però
ma ssolvix problemi oħra moħbija ta’ natura psikosoċjali li jistgħu
jkunu il-kawża ta’ tqala mhux ippjanata."

"Il-PKE ma tistax tintuża fit-tul, għaliex għandha rata ta’ falliment
ta 30%. Il-PKE però, tista’ sservi bħala l-aħħar ċans f’każ li
kontraċettivi oħra jfallu jew ikun hemm inċidenti sesswalli.
F’każijiet ta’ stupru, il-PKE hija ideali għaliex potenzjalment
tipproteġi l-vittma milli tbati l-konsegwenzi għal għomorha."

Anna Azzopardi, Segretarja Ġenerali tal-Alternattiva Demokratika
Żgħażagħ (ADŻ) żiedet: "Apparti l-introduzzjoni tal-PKE, hemm bżonn
urġenti ta’ riforma fil-politka tas-saħħa u l-edukazzjoni sesswali.
Dawn il-miżuri għandhom imorru flimkien. Il-PKE għandha tkun
disponibbli b’xejn permezz tas-Servizzi tas-Saħħa Pubbliċi,
speċjalment għal nies soċjalment vulnerabbli. Il-PKE għandha tkun
disponibbli lil kull min għandu iktar minn 16-il sena u tingħata
f'emergenza taħt superviżjoni medika lil min għandu inqas minn 16-il
sena. Nisa li jieħdu il-PKE mis-saħħa pubblika għandhom jiġu offruti
servizzi ta' Counselling Sesswali. Din il-miżura jenħtieġ li tiġi
akkumpanjata b’kampanja sesswali pożittiva u mingħajr elementi ta'
mistħija."

AD turi tħassib li ħafna drabi kwistjonijiet ta’ kontraċezzjoni u
saħħa sesswali femminili jiġu mpenġija f’dawl negattiv. Stampa
negattiva ta' dawn l-aspetti importanti fis-saħħa jistgħu iwaqqfu
lin-nisa milli jfittxu għajnuna fuq il-materja.

More in Politika