“Prim Ministru, tibqax tagħmel ħsara lill-pajjiż. Issa l-għażliet ħżiena tiegħek qed jagħmlu ħsara kbira lill-pajjiż. L-għażliet ta’ nepotiżmu ta’ Joseph Muscat qed jagħmlu ħsara lill-pajjiż.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 dalgħodu, li matulha nsista mal-Prim Ministru biex ma jaħtarx lil Alfred Mifsud bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali quddiem allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni.
Simon Busuttil qal li r-reazzjoni tal-Prim Ministru għall-allegazzjonijiet gravi ta’ korruzzjoni kontra Alfred Mifsud ma kenitx ta’ Prim Ministru denju li jmexxi l-pajjiż, b’mod partikolari għall-fatt, skont dak żvelat minn The Malta Independent on Sunday, li xorta se jibqa’ għaddej bil-ħatra. “Il-Prim Ministru, b’arroganza, qed jgħaddas rasu, kif għamel fil-każ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, u jibqa’ għaddej,” qal Simon Busuttil.
Hu spjega li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mhux biss qed jokkupa waħda mill-aktar karigi għolja f’pajjiżna, iżda jsir membru wkoll tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għal dak żvelat mill-gazzetta Il- Mument li qalet li filwaqt li l-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ, il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil Alfred Mifsud. Simon Busuttil qal li Muscat messu, malli ħarġu l-allegazzjonijiet, irrefera l-kwistjoni lill-Bank Ċentrali ta’ Malta, u dan peress li Alfred Mifsud, bħalissa huwa diġà d-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. L-allegazzjonijiet huma li Alfred Mifsud ħa somom kbar ta’ flus, li jaqbżu t-€300,000 għall-ebda skop ħlief ta’ korruzzjonijiet.
Il-Partit Nazzjonalista ħadem għal reputazzjoni tajba għal pajjiżna, iżda issa qed jitkasbar u jiġi redikolat b’dan il-mod, sostna Simon Busuttil. Il-Kap tal- Partit Nazzjonalista qal li dan l-iskandlu qed jagħmel ħsara kbira lis-settur tas-servizzi finanzjarji, b’mod speċjali wara l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Keith Schembri, kif ukoll wara li Ministru fil-Kabinett tal-Gvern ħareġ b’attakk feroċi fuq iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.