Din il-ġimgħa: Divorzju jew konferma taż-żwieġ?

Din hija l-ġimgħa tal-prova u għalkemm ħafna għadhom ma fehmux ir-relevanza tagħha, dak li se jiddeċiedi l-poplu tar-Renju Unit se jkun qed jifforma d-destin ta’ pajjiż, ta’ poplu u ta’ unjoni

Nhar il-Ħamis, il-poplu tar-Renju Unit se jiddeċiedi jekk iridx jibqa’ fl-Unjoni Ewropea jew inkella jekk iridx li jinqata’ minn mal-blokk ekonomiku u politiku li tiegħu ilu membru mill-1973. 

Minkejja kollox, ir-relazzjoni bejn dan il-pajjiż, xi darba imperu kbir u potenti u l-UE, dejjem kienet xi ftit jew wisq problematika. Fil-fatt, ir-Renju Unit kien ilu li applika biex isir membru ta’ dik li llum hija l-UE mill-1961, iżda kellu l-applikazzjoni tiegħu mwaqqfa minn Franza, dak iż-żmien immexxija mill-Ġeneral Charles De Gaulle. Kien biss wara li l-Ġeneral ma baqax fit-tmun ta’ pajjiżu li sar referendum fir-Renju Unit, b’67% jivvutaw favur id-dħul tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. 

Minn hemmhekk iżda, it-triq kienet ħafna drabi għat-telgħa u minkejja riżultat hekk pożittiv u minkejja l-wegħdi tal-Prim Ministru Konservattiv Edward Heath bdew jiftħu l-ixquq minn kullimkien. Bdew Michael Foot u Tony Benn, li kienu parti mix-xellug tal-Partit Laburista bil-wegħda fl-1983 li jirtiraw is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. U l-inkwiet kompla qliel, u aktar kemm issaħħet il-fehma ta’ Unjoni Ewropea federalista, iżjed iddgħajfet ir-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE.   

Fil-fatt, is-snin 80 raw il-bruda tinbidel fi qrusa hekk kif fl-1988, Margaret Thatcher fi Bruges kienet għamlet diskors, illum tant favorit mal-ewroxettiċi u dawk li jopponu l-filosofija ta’ UE aktar federali u ggvernata miċ-ċentru. Dakinhar, il-mara tal-ħadid kienet qalet hekk, “Hija ironika li wara l-waqa’ tal-Unjoni Sovjetika, li ppruvat tiggverna miċ-ċentru u wara li tgħallimna kif is-suċċess jiġi billi nifirxu l-poter lil hinn miċ-ċentru, hawn min qiegħed jimxi fid-direzzjoni opposta. Ir-Renju Unit ma neħħiex il-fruntieri tiegħu biex dawn jerġgħu jkunu mposti fuq livell Ewropew minn ‘super state’ li jeżerċita dominanza minn Brussell.” 

Wara dak li baqa’ magħruf bħala l-Erbgħa l-iswed u sussegwentement l-irtirar tar-Renju Unit mill-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju fl-1992, il-Prim Ministru Konservattiv John Major iffirma t-Trattat ta’ Maastricht għar-rabja u saħansitra sens ta’ ribelljoni minn bosta fil-partit tiegħu stess. L-affarijiet ikkalmaw xi ftit malli rebaħ l-elezzjoni l-Partit Laburista mmexxi minn Tony Blair għalkemm is-sentiment anti-Ewropew baqa’ wieħed qawwi, l-aktar fost il-Konservattivi. Ir-Renju Unit baqa’ jirrifjuta li jkun parti miż-żona ewro u fl-aħħar sena, il-Prim Ministru David Cameron kellu, hekk kif wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni, jinnegozja kundizzjonijiet aħjar għar-Renju Unit qabel ħabbar ir-referendum li se jsir nhar il-Ħamis li ġej.

Ir-Renju Unit ma neħħiex il-fruntieri tiegħu biex dawn jerġgħu jkunu imposti fuq livell Ewropew
Ir-Renju Unit ma neħħiex il-fruntieri tiegħu biex dawn jerġgħu jkunu imposti fuq livell Ewropew

Immigrazzjoni: Cameron ried li l-immigranti jaċċessaw benefiċċji wara li jkunu ilhom ir-Renju Unit erba’ snin. Fil-qbil finali, Cameron kellu jaċċetta benefiċċji li jkunu introdotti bil-mod il-mod matul l-ewwel erba’ snin ta’ residenza. 

Benefiċċji għat-tfal ta’ immigranti: Cameron ma riedx jibqa’ jagħti befiċċji lil tfal li jgħixu barra l-pajjiż imma li wieħed mill-ġenituri jgħix u jaħdem fir-Renju Unit. L-UE ma laqgħetx din it-talba. Minflok, mill-2020 il-pagamenti f’benefiċċji għal dawn it-tfal se jkunu jirriflettu l-għoli tal-ħajja fil-pajjiż fejn jgħixu t-tfal.

Sovranità: Cameron ried li r-Renju Unit ikun eżenti minn kull forma ta’ qbil li jiċċentralizza aktar il-poter. Hawnhekk kiseb assigurazzjoni bil-miktub fit-trattat u mekkaniżmu ġdid li jista’ jwaqqaf lill-Kummissjoni Ewropea milli tieħu ċerti deċiżjonijiet. 

L-Ewro u l-bailouts: Hawn Cameron kiseb ukoll. Kiseb assigurazzjoni li pajjiżu ma jkollux għalfejn jitfa’ flus f’fond tal-‘bailout’ u li jingħata fondi lura li jkunu marru f’għajnuna għall-Ewro. Cameron kiseb rikonoxximent li l-ewro mhix l-unika munita fl-UE.

L-immigrazzjoni kienet l-aktar għadma iebsa għal Cameron biex jinnegozja
L-immigrazzjoni kienet l-aktar għadma iebsa għal Cameron biex jinnegozja

Xejriet fl-opinjoni pubblika

Sa ġimgħa qabel il-poplu tar-Renju Unit ikun mitlub jitfa’ l-vot tiegħu, l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kollha bdew juru distakk qawwi ta’ bejn 7% u 10% favur dawk li jixtiequ li l-pajjiż jitlaq mill-UE. 

Minkejja li dan ir-riżultat jista’ jinbidel, skont il-medja tal-aktar stħarriġ importanti li saru madwar il-pajjiż miġbura u aġġornata kull ġimgħa minn The Economist juri qasma ċara fl-intenzjonijiet tal-votanti. 

L-aktar kontra l-Brexit u għalhekk li r-Renju Unit jibqa’ membru tal-UE huma l-votanti żgħażagħ. Skont dan il-poll tracker, 59% tal-votanti bejn 18 u 24 sena huma kontra l-Brexit, filwaqt li 26% biss huma favuru. Fil-każ ta’ dawk ta’ 60 sena ’l fuq, 51% huma favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u 34% kontra. Id-differenzi ppersistew ukoll f’dak li jirrigwarda ż-żewġ partiti l-kbar, bil-maġġoranza tal-Konservattivi, jew 51% jridu l-Brexit u 59% tal-Laburisti jridu jibqgħu fil-blokk Ewropew. 

Anke fejn tidħol klassi soċjali, dawk li jew m’għandhomx impjieg jew inkella qegħdin f’impjieg fejn il-ħlas huwa baxx huma fil-maġġoranza favur il-Brexit. Fil-fatt, 54% ta’ dawn iridu li r-Renju Unit jitlaq mill-UE. Min-naħa l-oħra, l-istess poll tracker tal-Economist juri kif 50% ta’ dawk li huma professjonisti u f’xogħol b’paga għolja jixtiequ li pajjiżhom jibqa’ fl-UE. 

L-Iskoċċiżi jibqgħu fil-maġġoranza tagħhom, jew 47% favur li jibqgħu membri tar-Renju Unit. 

Intant, fid-dawl tar-referendum li se jsir din il-ġimgħa l-ILLUM għamlet tliet mistoqsijiet lil erba’ persuni differenti. L-ILLUM staqsiet dwar l-iswing li kien hemm fl-aħħar jiem lejn il-kampanja li tiffavorixxi t-tluq tar-Renju Unit mill-UE, il-fattur tal-immigrazzjoni u kif dan qed jimpatta fuq kif se jivvota l-poplu Ingliż u r-reazzjoni tal-UE jekk kemm-il darba l-vot imur għal Brexit. 

Hawnhekk qed nirriproduċu t-tweġibiet tal-MPE Alfred Sant u Therese Comodini Cachia. Tistgħu ssegwu wkoll dak li qalulna l-opinjonista Joe Ellis u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Peter Aguis fuq is-sit illum.com.mt 

Alfred Sant
Alfred Sant

M’iniex konvint li l-maġġoranza huma favur Brexit

Jidher li kien hemm swing favur Brexit. Kemm taħseb li dan l-iswing se jkun sostnut u fil-fatt iwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE?

Ma nistax naqra l-futur imma jidher li d-deċiżjoni dwar jekk ir-Renju Unit hux se jibqa’ jew joħroġ fl-Unjoni Ewropea se tkun meħuda b’maġġoranza ċkejkna. Ir-rankatura favur Brexit li rajna dan l-aħħar naħseb li se tibqa’ sal-aħħar; m’iniex konvint li hi maġġoritarja madankollu.

L-immigrazzjoni jidher li kienet fattur kruċjali ta’ fejn kienet qed tmur l-opinjoni pubblika. Kemm taħseb li hu ġustifikat li d-dwejjaq ta’ ħafna Ingliżi fuq l-immigrazzjoni qed ikun direzzjonat lejn l-UE?

Fil-politika, ftit jiswa jekk ħaġa tkunx ġustifikata jew le. Jekk il-poplu jħoss li hi ġustifikata, il-problema trid tiġi ffaċċjata. L-immigrazzjoni qed tinħass minn ħafna nies bħala l-aktar ħaġa li turi x’sejjer ħażin f’ħajjithom: bidliet fis-soċjetà li ma jistgħux jikkontrollaw u li qed iwasslu għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, qgħad, awsterità eċċ. Il-globalizzazzjoni skont politika neo-liberali hi l-pedament ta’ dan kollu u l-Unjoni Ewropea tidher bħala aġent tal-globalizzazzjoni għax tibdel il-qafas tat-tmexxija minn wieħed nazzjonali għal wieħed kontinentali.

Hawn min qed jitkellem dwar ‘kastigi’ fil-każ ta’ Brexit. Kemm taħseb li dan huwa ġust u kif tara li l-UE tista’ tirritalja biex dak li jkunu għamlu l-Ingliżi ma jagħmlux ħaddieħor? 

Fil-każ li jgħaddi Brexit, mhux se tkun kwistjoni ta’ x’inhu ġust jew le, imma ta’ x’jaqbel jew le. L-UE u r-Renju Unit m’għandhom l-ebda interess li jikkonfrontaw lil xulxin. Wara d-dwejjaq tal-bidu, in-negozjati nistħajjel li jfittxu soluzzjoni bħal dik tan-Norveġja, li għandha access sħiħ għas-suq wieħed Ewropew imma tħallas għal dan l-aċċess. Kumplikazzjoni tqum jekk il-Brittaniċi jkunu jridu jżommu kontroll sħiħ fuq il-moviment tal-persuni bejn is-suq wieħed Ewropew u pajjiżhom. Bħalma ġara meta l-Iżvizzeri vvutaw biex jirrestrinġu l-movement tal-persuni, l-UE ssibha diffiċli ħafna li taċċetta ħaġa bħal din.

Therese Comodini Cachia
Therese Comodini Cachia

L-immigranti se jibqgħu jmorru r-Renju Unit, Brexit jew le

Jidher li kien hemm swing favur Brexit. Kemm taħseb li dan l-iswing se jkun sostnut u fil-fatt iwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE?

F’dawn l-aħħar ġranet, kien hemm ftit ċaqliq fiż-żewġ naħat. Kien hemm deputat mill-grupp favur Brexit li rrinunzjat il-kampanja bħala waħda bbażata fuq fatti li mhux minnhom iżda fl-istess ħin rajna wkoll ċaqliq favur Brexit. Forsi għadu ftit kmieni biex wieħed jgħid li l-konklużjoni ta’ dan ir-referendum digà fatta. Iż-żewġ naħat għandhom esponenti b’personalitajiet b’saħħithom, però jidher li kull naħa qed tiffoka fuq it-tfigħ ta’ ħafna informazzjoni fil-pubbliku mingħajr ma jkun hemm biżżejjed żmien biex dawk li se jivvutaw jixtarru din l-informazzjoni. Qed ikun hemm ukoll argumenti mmirati lejn l-emozzjoni aktar milli lejn ir-raġuni. Jekk din il-mewġa ma tiġix megħluba minn dawk kontra l-Brexit, allura r-referendum jispiċċa jkun favur Brexit. 

L-immigrazzjoni jidher li kienet fattur kruċjali ta’ fejn kienet qed tmur l-opinjoni pubblika. Kemm taħseb li hu ġustifikat li d-dwejjaq ta’ ħafna Ingliżi fuq l-immigrazzjoni qed ikun direzzjonat lejn l-UE?

Ir-Renju Unit ilu żmien twil jirċievi immigranti, u saħansitra hemm familji li ġejjin minn antenati immigranti. Ma naħsibx li tispiċċa l-immigrazzjoni jekk ir-riżultat ikun favur Brexit. Ir-Renju Unit xorta se jibqa’ pajjiż żviluppat fi stadju avvanzat soċjo-ekonomiku li jibqa’ jattira l-immigrazzjoni kemm mill-pajjiżi Ewropej kif ukoll minn pajjizi ’l barra mill-Ewropa. Hemm setturi ekonomiċi li għandhom bżonn ħaddiema barranin, għandhom setturi fejn l-investiment barrani huwa qawwi u miegħu jġib ukoll ħaddiema immigranti. Forsi l-kwistjoni hija aktar dwar l-integrazzjoni jew kif se jlaħħqu bid-diversità fis-soċjetà Ingliża. Iżda f’dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea tista’ forsi tgħin u mhux taghmel is-sitwazzjoni agħar.

Hawn min qed jitkellem dwar ‘kastigi’ fil-każ ta’ Brexit. Kemm taħseb li dan huwa ġust u kif tara li l-UE tista’ tirritalja biex dak li jkunu għamlu l-Ingliżi ma jagħmlux ħaddieħor? 

Kastigi u vot demokratiku ma jmorrux flimkien. Dak li huwa żgur hu li hekk kif stat membru jitlob li ma jibqax membru, iridu jinħallu l-obbligi u r-responsabbiltajiet reċiproċi u f’dan is-sens iridu jsiru l-kontijiet. Dan ifisser li wieħed imbagħad irid jara x’tip ta’ relazzjoni se jkun hemm bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, f’liema setturi u taħt liema kundizzjonijiet. Dan ikun proċess twil li jħalli effetti negattivi kemm fuq ir-Renju Unit kif ukoll fuq l-Unjoni Ewropea fi żmien fejn it-theddid li qed niffaċċjaw huwa wieħed globali u li allura huwa aħjar li nindirizzaw flimkien. Ma narax li Brexit għandu jwassal sabiex ikun hawn numru ta’ pajjiżi oħra li joħorgu mill-Unjoni, iżda jista’ jagħti opportunità lil xi stati jużaw din bħala theddida. Hawnhekk se jkun importanti ħafna kemm huma b’saħħithom il-Prim Ministri tal-pajjiżi fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika