Hekk kif bdew deħlin il-voti fir-referendum, minkejja l-ewwel indikazzjonijiet jidher illi l-Brexit qed isir dejjemaktar realta'. Minkejja l-ewwel stħarriġ tal-Yougov, s'issa jidher li l-poplu qed ixaqleb lejn il-Brexit b'distakk li s'issa huwa wieħed ta' bejn wieħed u ieħor 4%. L-aħħar riżultat minn Sky News juri li d-distakk se jkun diffiċli li jingħeleb u ftit minuti ilu kien iddikjarat mill-istess stazzjon, li għaddej b'informazzjoni kontinwa dwar ir-referendum, illi r-riżultat qiegħed jersaq lejn 52% favur il-Brexit. B'kollox ħarġu jivvutaw madwar 71% tal-poplu tar-Renju Unit.
Minn dawk iż-żoni fejn ingħaddu l-voti s'issa, jiġifieri minn 242 il-żona minn 382, il-Brexit qiegħed fuq quddiem b'riżultat ta' madwar 51% favur il-Brexit u 49% kontra. Il-maġġoranza qawwija tal-lokalitajiet s'issa kollha rreġistraw maġġoranza favur il-Brexit. Id-distakk huwa wieħed ta' madwar 1.2 miljun vot favur il-Brexit.
Wales, Aberdeenshire, Lancashire, Tonbrodge, East Devon, Birmingham u Bolsover, fost l-oħrajn, ivvotaw biex ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea flimkien ma' diversi żoni oħrajn, l-Iskożja Londra, kif mistenni, vvutat favur li tibqa' fl-UE.
Dan ir-riżultat jista jfisser id-daqqa tal-mewt għall-Prim Ministru David Cameron li s'issa għadu m'għaddiex kummenti dwar l-aħħar indikazzjonijiet ċari li issa qed jippuntaw sew lejn rebħa għall-Brexit u għalhekk rebħa għal dawk li jridu li r-Renju Unit jitlaq mill-UE. Nigel Farage li kien qal illi jista jkun li l-kamp tiegħu tilef dalgodu qal illi dan ir-riżultat tah il-possibilita' li jibda joħlom għal ħajja aħjar.
B'dak li ġara kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Renju Unit se jissaħħu. Dan stqarritu d-Deputata Laburista Gisele Stuart li kkampanjat favur il-Brexit illi qalet ukoll illi issa l-pajjiż jeħtieġ ikun magħqud qaqoċċa biex jipproċedi għall-ħruġ mill-UE. "Ir-Renju Unit se jibqa' jkun pajjiż li jilqa' u li jikkopera mal-Ewropej iżda din kienet deċiżjoni ċara, favur bidla fil-politika barranija tal-pajjiż.