Ivan Grech Mintoff, il-Malti li jmexxi il-Partit Alleanza Bidla u attivist tal-Brexit esprima sodisfazzjon għar-riżultat ta' dalgħodu fir-Renju Unit. Ma' dan is-sit huwa qal illi b'dan il-vot il-poplu "tkellem u tkellem bil-kbir u għamilha ċara illi jrid lura s-sovranita'.
Meta mistoqsi minn l-illum.com.mt jekk iħossx li l-immigrazzjoni lagħbitx l-aktar karta importanti f'dan ir-riżultat Grech Mintoff ammetta li din il-kwistjoni kienet importanti, iżda saħaq li ma kinitx il-kwistjoni deċiżiva. "L-immigrazzjoni, ix-xogħol, is-sovranita', s-sigurta' u s-saħħa kienu kollha oqsma li l-poplu tar-Renju Unit ried li jieħu lura. In-nies iridu rajhom f'idejhom," sostna Grech Mintoff ma' dan is-sit.
Huwa kompla jgħid li l-UE teħtieġ tifhem aħjar lin-nies u tieħu deċiżjonijiet favur tagħhom "u mhux favur il-bankiera u l-lobby groups il-kbar.
Intant Grech Mintoff appella, biex lokalment il-Prim Ministru Muscat jagħmel l-istess u jsejjaħ referendum wara li jinnegozja kundizzjonijiet ġodda għal pajjiżna.