Brexit: Divorzju diffiċli
Il-Kap tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Universita' ta' Malta Carmen Sammut dwar l-effetti tal-Brexit fuq l-UE
minn Carmen Sammut
Ir-rizultat referendarju Brexit minnufih ġab fluwidità politika u ekonomika liema bħalha, inklużi r-riżenja tal-Prim Ministru David Cameron, il-waqgħa tal-Isterlina u d-daqqa fis-swieq finanzjarji. Kulħadd kien qed jantiċipa instabbiltà meta sfaxxa żwieġ Ii kien ilu għaddej aktar minn 40 sena. Bħal kull divorzju, minkejja relazzjoni intima fit-tul, spiss ikun hemm ħafna riżentimenti. Dawk involuti, mhux dejjem jagħrfu mal-ewwel kif għandhom iġibu rwieħhom, x’arranġamenti jkollhom jagħmlu biex jaqsmu l-beni u kif jirrelataw ma’ xulxin fil-ġejjieni. L-istess fil-kriżi Brexit.
Wara kampanja referendarja li qasmet lir-Renju Unit min-nofs, issa l-Ewropa inħakmet minn perjodu ta’ tensjoni minħabba l-possibbiltà li dan id-divorzju se jqanqal aptit għall-firdiet oħra. Ir-rizultat tal-Ġimgħa jista’ jwassal mhux biss għal diżintegrazzjoni Ewropea, iżda anke dik tar-Renju Unit innifsu.
Mal-ewwel smajna lill-Ministru Ewlieni Skoċċiża Nicola Sturgeon tgħid li l-Iskoċċiżi vvutaw bi ħġarhom favur sħubija fl-Unjoni Ewropea. Se tgħarraf lill-mexxejja Ewropej li aktarx jissejjaħ referendum ieħor għall-indipendenza tal-Iskozja. Fir-Repubblika Irlandiża, il-partit Sein Fein mal-ewwel appella għal referendum favur l-għaqda tal-Irlanda peress li fil-provinċja tal-Irlanda ta’ Fuq, il-maġġoranza vvutaw favur is-sħubija.
Imma l-akbar ansjetajiet huma dwar l-għaqda fil-familja Ewropea nnifisha. Fix-xhur li ġejjin, l-Ingliżi mistennija jinvokaw Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona biex joħorġu. X’tip ta’ arranġamenti se jkun hemm wara, ma nafux. Ir-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Ewropa se tkun tixbah lil dik man-Norveġja, mal-Iżvizzera, mat-Turkija jew mal-Kanada?
Issa l-Ewropa inħakmet minn perjodu ta’ tensjoni minħabba l-possibbiltà li dan id-divorzju se jqanqal aptit għall-firdiet oħra Carmen Sammut
Issa l-mazz m’għadux f’idejn l-Ingliżi, u l-Ewropej għandhom aġenda tagħhom. Ma jridux jaraw effett domino, u kien għalhekk li l-president tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker dlonk appella għal ftehim mingħajr dewmien żejjed. In-negozjati jistgħu jieħdu massimu ta’ sentejn. Jekk ma jkunx hemm ftehim wara sentejn ta’ separazzjoni, iż-żwieġ jisfaxxa waħdu u l-Ingilterra toħroġ awtomatikament, sakemm ma jkunx hemm qbil unanimu bejn it-28 pajjiż biex it-taħdidiet iġebbdu aktar.
Il-vuċijiet moderati kemm fl-Ingilterra u anke fl-Ewropa għadhom qegħdin jassorbu dan ix-xokk u l-implikazzjonijiet tiegħu.
Laqatni kumment ta’ Boris Johnson, wieħed mill-mexxejja tal-kampanja ‘Leave’ u li issa qed jinstema’ aktar sobriju mis-soltu minħabba li huwa papabbli għall-kariga ta’ Prim Ministru. Johnson qal li ma rridux inħallu l-affarijiet f’idejn, “dawk li jinqdew bl-immigrazzjoni biex jagħmlu l-politika.” Huwa għalhekk xtaq jiddistanzja lill-Partit Konservattiv mill-UKIP u minn Nigel Farage, li dlonk ħareġ jifraħ b’mod mill-aktar trijonfali u diviżiv.
Kien Nigel Farage li deher fuq TVM jappella lill-Maltin biex jagħmlu Mexit. Huma l-politiċi populisti li dehru trijonfanti daqs Farage u ħarġu jgħajtu għal referendum f’naħat oħra tal-Ewropa.
Fi Franza hemm il-partit tal-lemin estrem ta’ Marine le Pen. Il-lemin estrem fid-Danimarka, il-Partit tal-Poplu, reġa’ tenna l-appell tiegħu għal referendum fid-Danimarka. Bħal Le Pen, dan il-partit populista Dani għandu preżenza qawwija fil-Parlament.
Fl-Olanda ħareġ mal-ewwel, fost l-oħrajn Geerts Wilders. Nafu li l-Olandizi huma fost l-aktar li jixtiequ referendum biex joħorġu mill-EU izda l-figura ta’ Wilders għandha tinkwieta lil bosta minħabba l-aġenda perikoluża u diviżiva tiegħu. Araw il-film ‘Fitna’ fejn jiżra l-Iżlamofobija tant li ftit tas-snin ilu biss, kien hemm projbizzjoni biex ma jitħalliex jidħol ixewwex fir-Renju Unit.
Għamlu appell simili fl-Italja l-Movimento Cinque Stelle li m’għandux aġenda konsistenti ħlief dik li jattakka kontinwament lill-establishment. Ovvjament, l-establishment Ewropew fi Brussell fih ħafna xi tmaqdar u l-appell ta’ Cinque Stelle jappella għal ħafna nies.
Imbagħad hemm il-Griegi Ii qed jinsistu fuq Grexit u dawn ukoll isibu simpatija ta’ bosta fost l-elettorat li nfena bi kriżi finanzjarja u miżuri ta’ awsterità imposta fuqu mill-Unjoni Ewropea tul il-kriżi fiż-żona Ewro.
Kull darba li tinqala’ xi kriżi jew l-affarijiet imorru żmerċ, isibuha komda jwaħħlu fl-istrutturi ta’ Brussell flok jgħidu mea culpa Carmen Sammut
Ħareġ mir-referendum fir-Renju Unit, u minn stħarriġ ieħor tal-opinjoni pubbika li fl-Ewropa, dawn il-messaġġi populisti jdoqqu għal widnejn nies ġejjin minn gruppi soċjo-ekonomiċi żvantaġġjati. Fil-Greċja u postijiet oħra, huma n-nies li l-aktar Ii marru ħażin mill-miżuri ta’ awsterità. Ladarba jibda l-perjodu ta’ riflessjoni u azzjoni, l-Unjoni Ewropea trid tagħti widen lill-uġigħ u riżentimenti ta’ dawn in-nies u tiftakar li fost il-valuri Ewropej hemm ukoll ġustizzja soċjali.
L-analiżi dwar ir-riżultat ta’ Brexit fadallu ġmielu. Iżda rridu nagħrfu wkoll li kultant l-għeja bl-Ewropa hija wkoll ħtija ta’ dawk li għandhom ħabta jiftaħru bil-glorja ta’ proġetti fejjieda billi jippreżentawhom bħala frott il-ħidma tal-gvernijiet nazzjonali. Madankollu kull darba li tinqala’ xi kriżi jew l-affarijiet imorru żmerċ, isibuha komda jwaħħlu fl-istrutturi ta’ Brussell flok jgħidu mea culpa.
Ħasra li minħabba Brexit u theżżiżiet li ġew wara, ixxekklu inizjattivi importanti Ii jinkludu d-diskussjoni bejn il-mexxejja tal-UE dwar l-Istrategija Globali tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà. Din giet abbozzata mill-High Representative Federica Mogherini u kellha tiġi ppreżentata lill-mexxejja f’dawn il-jiem appuntu biex tindirizza waħda mill-akbar ansjetajiet tan-nies fid-dinja kontemporanja.