Għajnejha jdemmgħu u leħinha miksur Sarah O'Connor, oħt vittma tal-gwerra fl-Iraq qalet illi t-terrorist li d-dinja teħtieġ tkun taf bih huwa Tony Blair. Hi kienet qed titkellem flimkien ma' numru ta' qraba ta' vittmi ftit wara li ħareġ il-Chilcot Report illi tefa' dawl dwar l-attakk militari fuq l-Iraq u sehem l-eks Prim Ministru Tony Blair fiha.
Meta mistoqsija kif tirreaġixxi għall-istess rapport O'Connor qalet illi dak żvelat iġib miegħu ħafna rabja u weġgħat. "Dan ir-rapport," qalet Sarah jeħodni lura għal meta ħija kien miet fl-Iraq u jekk hemm terrorista li d-dinja teħtieġ tkun taf bih dan huwa Tony Blair.
Blair: Kien imwissi dwar attakki terroristiċi, imma xorta attakka l-Iraq
Intant ir-rapport li ħareġ ftit tal-ħin ilu jitfa' delljiet tqal sew fuq l-eks Prim Ministru Laburista Tony Blair hekk kif jiżvela kif qabel ma' sar l-attakk militari fuq l-Iraq fl-2003 l-istess Blair kien mwissi bil-konsegwenzi li tali attakk jista jħalli fuq ir-Renju Unit. Fil-fatt l-istess rapport li sar minn Sir John Chilcot juri kif Blair kien mwissi diversi drabi dwar attakki fuq ir-Renju Unit mill-grupp terrorista Al Qaeda kemm-il darba il-pajjiż jipparteċipa fl-invażjoni fuq l-Iraq.
Ir-rapport jiżvela korrispondenza li Blair kellu mal-eks-Presidnt George Bush, fejn minkejja twissijiet li sarulu, l-Prim Ministru Ingliż wiegħed li se jkun qed jappoġġjah fl-istess invażjoni "jiġri x'jiġri."
Waqt li kien qed jiżvela dak li hemm fir-rapport twil tiegħu Chilcot qal illi l-bażi legali għall-gwerra fl-2003 kienet "il-bogħod minn sodisfaċenti" u li ċ-ċertezza ta' armi li qerda tal-massa li suppost kellha l-Iraq ""ma kinitx ġustifikata".