Storja li bħalissa qed idur fuq diversi mezzi u siti soċjali hija dik ta' Ali Abbas li matul il-gwerra tal-Iraq tilef kemm liż-żewġ ġenituri tiegħu kif ukoll idejh it-tnejn. Illum, fil-ġurnata li qed joħorġu diversi fatti dwar il-gwerra tal-Iraq, fosthom li l-bażi legali tal-istess gwerra ma kinitx waħda soda biżżejjed u li Blair kien jaf li qed ipoġġi lill-pajjiżi f'periklu serju, Abbas stqarr li l-awtoritajiet gidbu.
F'intervista li Abbas kellu mas-sit MailOnline huwa qal li għalkemm iħossu mweġġa b'dak żvelat, "xejn mhu se jinbidel. Dan kollu huwa dwar affarijiet tal-passat, jien irrid nħares lejn il-futur." Abbas mar ir-Renju Unit għal trattament meta kellu 12-il sena, wara li tilef idejh f'attakk waqt il-gwerra fl-Iraq. "Illum għandi 25 sena u nixtieq insib impjieg għalkemm m'għandix idejn."
"Ħajti inbidlet kompetament meta kien hemm l-invażjoni tal-Iraq" jgħid Abbas li għalkemm jfakkar kif Saddam Hussein kien dittatur mingħajr qalb, il-waqa' tiegħu ma fissritx li l-pajjiż sar ħieles minn kull tip ta' problema. Anzi, mal-istess sit Ingliż Abbas jirrakonta kif l-Iraq tal-lum hija waħda mimlija mewt fejn il-funerali huma fost l-aktar ħaġa komuni.
Id-dar tal-familja tiegħu sfat meqruda wara li missila tal-Istati Uniti laqtet iż-żona tad-dar tiegħu bi żball. Hu kien kważi inħaraq sal-mewt, sakemm, fortunatament il-ġar tiegħu sabu għadu ħaj.
Huwa irrakkonta kif qatt ma ltaqa' mal-eks Prim Ministru Tony Blair ħlief darba meta kien għadu żgħir. Dakinhar xtaq jistaqsieh jekk kienx jiddisjaċih li attajkka l-Iraq. Illum, jgħid Abbas "nafu li l-poplu tar-Renju Unit gidbulu u li Blair u Bush ma kellhomx imorru għall-gwerra."
Intant Tony Blair ippersista fil-pożizzjoni tiegħu u anke fid-dawl tar-rapport Chilcot qal li fil-fatt hu qatt ma gideb u li r-rapport juri li dak li għamel, għamlu b'rieda tajba.