L-Awditur isib nuqqasijiet 'multi-miljunarji' fil-finanzjament tal-Kunsilli taħt il-PN

...L-NAO jesprimi tħassib u rreveda dwar  diversi skemi ta' finanzjament lill-Kunsilli Lokali b'allokazzjoni ta' €11.5 miljuni  - juri tħassib ukoll dwar interventi mis-Segretarjat ta' Said 

Chris Said
Chris Said

L-Ufiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) b'kollox irreveda 25 skema ta' finanzjament lill-Kunsilli Lokali b'allokazzjoni totali ta' €11.5 miljun u li saru bejn l-2008 u ol-2013. 

L-NAO nnota li ma kien stabbilit ebda baġit għal numru ta’ skemi u dan kien partikolarment evidenti fl-iskema għal xogħol ta’ manutenzjoni u tiswija ta’ toroq, li rriżultat f’infiq ta’ aktar minn €6,000,000.

Nuqqasijiet oħra identifikati mill-Uffiċċju f’skemi oħra kienu jirrelataw ma’ kontroll finanzjarju fejn, f’każijiet meta l-baġit ma kienx rispettat, dawn ġeneralment irriżultaw fl-allokazzjoni ta’ fondi addizzjonali. Barra minn hekk, dan l-uffiċċju identifika nuqqasijiet serji fiż-żamma ta’ dokumentazzjoni. In-nuqqas tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa llimita l-NAO milli jivverifika l-aspetti l-aktar bażiċi tal-iskemi. 

Ta’ tħassib serju għall-NAO kienu l-iskemi fejn rapporti ta’ evalwazzjoni ma ġewx provduti, minkejja l-bosta talbiet ta’ dan l-Uffiċċju. F’dan il-kuntest, l-NAO ma setax jistabbilixxi l-ġustifikazzjoni għal tali nfiq. F’każijiet oħra, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni pprovdew biss ftit dettal, mingħajr ebda forma ta’ analiżi kritika mill-Kumitati tal-Għażla. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ minuti tal-laqgħat xekkel l-Uffiċċju milli jifhem kif il-Kumitati waslu għad-deċiżjonijiet meħuda, il-fatturi li ġew ikkunsidrati fl-istadju ta’ evalwazzjoni u l-ħsieb li fuqu kienu determinati l-eliġibilità, l-għażla u l-finanzjament. Tħassib simili kien jirrigwardja reviżjonijiet fl-għotjiet, li xi drabi kienu sostanzjali f'termini ta’ materjalità, però inadegwatament ġustifikati jew spjegat.

Xi drabi, l-NAO qies l-interventi tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Djalogu Pubbliku mhux ġustifikati, partikolarment fl-għażla preliminari ta’ applikazzjonijiet milqugħa, fl-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet u fid-determinazzjoni tal-fondi allokati. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li dan l-involviment kultant ippreġudika l-indipendenza tal-Kumitati tal-Għażla, evidenti fir-reviżjonijiet ta’ għotjiet jew f’każijiet meta l-fondi nkisbu permezz ta’ komunikazzjoni diretta mas-Segretarju Parlamentari. L-NAO jsostni li, b’konformità mal-prinċipji ta’ governanza tajba, is-Segretarju Parlamentari kellu jiżgura li l-istrutturi u s-sistemi meħtieġa sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet kellhom ikunu f’posthom,  milli jintervjeni b’mod dirett permezz ta’ għotjiet lill-KL speċifiċi.

b’konformità mal-prinċipji ta’ governanza tajba, is-Segretarju Parlamentari kellu jiżgura li l-istrutturi u s-sistemi meħtieġa sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet kellhom ikunu f’posthom, milli jintervjeni b’mod dirett permezz ta’ għotjiet lill-KL speċifiċi. NAO

Nuqqasijiet oħra jistgħu b’mod ġenerali jiġu klassifikati bħala diverġenzi mill-kundizzjonijiet stipulati fil-memoranda u n-noti ta’ gwida maħruġa fir-rigward tal-iskemi. Dawn il-każijiet kienu jirrelataw ma’ diversi aspetti, inkluż bidliet fil-mod ta’ finanzjament, fil-kunsiderazzjoni ta’ applikazzjonijiet mibgħuta tard, fid-dati tat-tlestija u fit-termini ta’ ħlas. Diverġenzi oħra kienu jinvolvu l-estensjoni taż-żmien għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet u n-nuqqas t’aderenza mal-limiti ta’ finanzjament stabbiliti.

Ta’ spiss, dawn il-bidliet ma kinux dokumentati b’mod adegwat, li allura rrenda impossibbli li l-NAO jistabbilixxi jekk il-KL kollha kinux notifikati bil-bidliet fil-parametri tal-iskemi, u b’hekk jiġi żgurat il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Intant il-PN sostna li dwar dan ir-rapport, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said diġà ta spjega dettaljata u wera kif l-interventi tiegħu wasslu biex ikun hemm żieda fil-Kunsilli Lokali li jingħataw l-għajnuna, kif ukoll żieda fl-għajnuna finanzjarja. Dan ifisser li permezz ta’ din id-direzzjoni, r-residenti gawdew aktar u mhux anqas.

"Sfortunatament, f’din il-leġiżlatura" kompla jgħid il-PN "il-Kunsilli Lokali mhux talli ma baqgħux bl-istess skemi li kellhom qabel, iżda talli dawn naqsu, għad-detriment tar-residenti fil-lokalitajiet. Fl-istess ħin, f’waħda mill-ftit skemi li nieda dan il-Gvern, l-Awditur Ġenerali, f’rapport li ppubblika nhar it-Tnejn li għadda, sab li din l-iskema tħaddmet b’dilettantiżmu, preferenzi, nuqqas ta’ trasparenza, ħabi u abbuż." 

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li r-rapport tal-Awditur Ġenerali ma sab ebda irregolarità fl-aġir ta’ Chris Said u wisq anqas, telf jew użu ħażin ta’ fondi pubbliċi. Hawnhekk ifakkar li l-istess Awditur sab irregolaritajiet f'diversi każi oġrajn, fosthom fix-xiri taż-żejt mill-Ażerbaijan mill-Ministru Konrad Mizzi. 

 

More in Politika