“Għandna għal qalbna l-potenzjal u l-abilitajiet ta’ kull ċittadin” – Comodini Cachia

L- MPE Maltija titkellem dwar l-importanza li l-persuna tkun fiċ-ċentru ta' kull diskussjoni dwar id-diżabilità

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia pparteċipat fid-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (UNCRPD). Fid-diskors tagħha, hija qalet li “bħala shadow rapporteur kellhi l-opportunità li nċaqlaq lil politiċi u l-leġiżlaturi biex jieqfu jħarsu lejn id-diżabilità u minflok jiffukaw fuq il-persuna. Huwa minnu li l-ewwel li jolqot l-għajn ikun is-siġġu bir-roti iżda li għandu jolqtilna moħħna u qalbna hija l-persuna li hemm bilqegħda fuq is-siġġu bir-roti. Dan ir-rapport qed jagħtina l-opportunità li nuru liċ-ċittadini kollha li għandna għal qalbna l-potenzjal u l-abbilitajiet ta’ kulħadd.”

Therese Comodini Cachia tkellmet waqt il-plenarja bl-Ingliż u stqarret li “llum qed nuża l-lingwa Ingliża flok il-Malti. Dan sabiex inqajjem l-għarfien li uħud mill-persuni bl-awtiżmu f’Malta jakkwistaw għarfien f’lingwa waħda, dik Ingliża. Għaldaqstant, f’pajjiż bilingwali dan m’għandux iwaqqfilhom l-iżvilupp edukattiv.

Hija enfasizzat fuq il-ħtieġa li kull settur għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, filwaqt li qalet li “ix-xogħol, l-edukazzjoni, l-isport huma kollha parti mill-kultura tagħna, hekk kif il-kultura hija n-narrativa tal-istil ta’ ħajjitna, hija l-mod kif ngħixu u dak li nagħmlu ta’ kuljum. Għandna naraw li kulħadd, inkluż dawk li l-ambjent ta’ madwarhom qed jimpedihom, ikunu jistgħu jipparteċipaw. Għandna bżonn l-abbilitajiet u l-potenzjal ta’ kulħadd. Ejjew nieqfu nimbuttaw persuni ‘l barra mis-soċjetà tagħna.

L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia rrappreżentat lill-grupp tal-EPP bħala shadow rapporteur fil-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) dwar dan ir-rapport. Ir-rapport jistika biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri jkunu l-katalisti fl-implimentazzjoni effettiva tal-UNCRPD, biex ma jiffirmawx il-konvenzjoni biss iżda jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa li jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jipparteċipaw fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku. Fil-kuntest tal-obbligi tal-Unjoni Ewropea, bħala firmatarji tal-konvenzjoni, il-Parlament Ewropew se jkompli jimbotta ‘l quddiem l-interessi ta’ persuni b’diżabilità biex jibqgħu prijorità.

 

Therese Comodini Cachia hija membru attiv fil-Intergroup Parlamentari għad-Diżabilità.

 

 

More in Politika