'Youth Help -wegħda oħra mwettqa'
More in Politika
‘‘Indaħħlu s-servizz ta’ Youth Help sabiex jgħinu lil persuni li jsibu ruħhom f’diffikultajiet f’mumenti vulnerabbli. Din hija wegħda fil-manifest elettorali li ġiet imwettqa wkoll’’. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt li kien fil-Youth Village ta’ Santa Venera li serva ta’ sfond għal tmiem il-proġett pilota Third Space. Huwa faħħar ix-xogħol li sar mill-youth workers u saħaq li dawn huma meħtieġa speċjalment f’ċerti nħawi ta’ pajjiżna anke jekk kull parti jkollha l-bżonnijiet tagħha.
Third Space huwa proġett ta’ Erasmus+ fuq 18-il xahar li nħadem b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Żgħażagħ, il-YMCA George Williams College tal-Ingilterra, Stichting JONG Rotterdam tal-Olanda u Centre for Sustainable Community Development (CSCD) tar-Rumanija.
Il-proġett beda f’Ottubru tal-2014, għalkemm l-applikazzjoni għall-fondi saret qabel, b’laqgħa ma’ Brian Belton li kien il-moħħ u l-ispirazzjoni wara dan il-proġett. Instabu l-imsieħba u ġie mniedi l-proġett Youth Help. Wara saret sejħa għal youth workers, bil-proġett iseħħ fi tliet reġjuni; dak tax-Xlokk (eżattament fiż-Żejtun, Birżebbuġa u Wied il-Għajn), fil-Belt Valletta u fil-Kottonera. Issa li wasal fi tmiemu, il-proġett se jkun evalwat bil-possibilità li jkompli jimraħ fuq bażi ikbar.
Il-mistieden ewlieni ta’ din l-attività Dr Brian Belton mill-YMCA George Williams College ta’ Londra, faħħar ix-xogħol li l-youth workers qed jagħmlu f’pajjiżna. Huwa qal li Malta tiffaċċja sfidi differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħra għaliex iż-żgħażagħ tagħna ma jfittxux il-youth workers huma imma l-youth workers iridu jmorru huma jfittxu ż-żgħażagħ. Huwa faħħar il-Gvern li għad-differenza ta’ gvernijiet oħra, qed jagħraf il-potenzjal ta’ attivitajiet simili u jagħtihom importanza xierqa.
Tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma, Gabi Calleja li kienet il-koordinatur tal-proġett u l-youth workers li b’mod innovattiv qasmu l-esperjenzi tagħhom wara dawn it-18-il xahar.