'Għandu għalfejn jistħi minn ikkompona l-Kumitat tad-Dwejra' - is-sindku ta' San Lawrenz

'Tal-Mistħija' jgħid Chris Said fejn fuq il-kumitat hemm iżjed Maltin milli Għawdxin 

Ilbieraħ tħabbar uffiċjalment li nħatar kumitat biex jimplimenta u jfassal pjan għaż-żona tad-Dwejra li tinkludi wkoll it-tieqa tad-Dwejra. Il-Kumitat li kien maħtur mill-ministru għall-Ambjent, għażel li jaħtar aktar membri Maltin milli Għawdxin fuq dan il-kumitat li qed jieħu ħsieb sit f'Għawdex fejn anke inħatar rappreżentant mill-MHRA u tħallew barra għal kollox il-GTA (Gozo Tourism Association). Anke l-fatt li l-ebda rappreżentant mill-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz li huma responsabbli għad-Dwejra, fejn is-sindku Noel Formosa tant ilu jaħdem dwar proġetti u l-problemi tad-Dwejra, tħallew barra minn dan il-kumitat. Il-kumitat se jitmexxa minn Timmy Gambin bħala chairperson u fih se jinkludi fost oħrajn rappreżentanti mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-Awtorità tat-Turiżmu (MTA), in-Nature Trust, Il-Kummissjoni tal-UNESCO u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA). Il-Ministru Herrera qal li wasal iż-żmien li dan is-sit jiġi rikonoxxut mill-UNESCO bħala sit ta' patrimonju naturali dinji.

Sadanittant il-kelliem għal Għawdex għall-Partit Nazzjonalista, Chris Said fuq dan il-każ qal, "TAL-MISTĦIJA. Wara tliet snin u nofs, u numru ta' mistoqsijiet parlamentari min-naħa tiegħi, l-Gvern stenbaħ u waqqaf dan il-Kumitat għad-Dwejra. Tal-mistħija kif f'dan il-Kumitat hemm aktar Maltin milli Ghawdxin u tal-mistħija akbar kif il-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz mhux rappreżentat fuq dan il-Kumitat. Hekk jistmahom lill-Kunsilli Lokali dan il-Gvern!"

Min-naħa tiegħu, is-sindku ta' San Lawrenz Noel Formosa, fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook irringrazzja lil Chris Said u qal, "Grazzi Dr. Said talli kont int li qajjimt din l-issue fil-Parlament wara l-laqgħa li kont attendejt magħna. Kont int li komplejt tisħaq fuqha fil-Parlament. Il-Kunsill mhux rappreżentat u nistaqsu għaliex, avolja r-risposta hi evidenti. Għandu għalfejn jistħi min ikkompona dan il-kumitat. Però lill-Kunsill, ħadd u xejn mhu ser jagħlaqlu ħalqu!!!"

More in Politika