Din hi l-qalb vera tal-isbaħ Belt fl-Ewropa

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jinsab diżappuntat ħafna bil-livell ta' servizz li qed joffru l-Gwardjani Lokali fil-Belt Kapitali


Filwaqt li l-Kunsill Lokali kontinwament qed jinforma lill-LESA, l-aġenzija risponsabbli mill-Gwardjani Lokali, dwar numru ta' irregolaritajiet li qed isiru, xorta waħda mhux qed tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

L-attivita' fil-Belt Valletta qed tiġi kontinwament ostakolata minn numru ta' inġenji ta' kuntratturi li qed jostakolaw it-toroq u joħolqu periklu għall- publiku.

Hemm ukoll numru kbir ta' sidien tal-ħwienet qed joħolqu inkonvenjenzi kbar billi joħorġu bla permess numru ta' imwejjed u siġġijiet fit-toroq, kif ukoll bl-ammont ta' iskart li qed jintrema illegalment f'postijiet u f'ħinijiet irregolari. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jinnota li qed ikun hemm ukoll abbużi kontinwi fl-organizzazjoni tat-traffiku u bil-parkeġġ irregolari tal-karozzi.

Din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjenzi kbar mhux biss lir-resideni tal-Belt Valletta, izda lil dawk kollha li jidħlu l-Belt Valletta kemm Maltin kif ukoll turisti, li bir-raġun jixtiequ jaraw it-toroq tal-Kapitali Maltija miżmumha u organizzati kif jixraq.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt jappella lill-Agenzija responsabbli mill-Gwardjani Lokali biex issir l-isforz meħtieg biex jissolvew dawn il-problemi. Minn naħa tiegħu l-Kunsill Lokali lest li joffri l-kollaborazzjoni u l-għajnuna kollha tiegħu fl-aħjar interess tal-lokalitá u tar-residenti.

More in Politika