Mhux ta’ jdejna

Il-PN ‘jaħsel idejh’ mill-morning after pill – Simon jaħrab milli jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni

Simon Busuttil ma jgħidx jekk hux favur jew kontra l-morning after pill
Simon Busuttil ma jgħidx jekk hux favur jew kontra l-morning after pill

Mitlub minn din il-gazzetta għall-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dwar jekk il-morning after pill għandhiex tkun aċċessibbli għan-nisa jew le f’pajjiżna, il-PN ma tax tweġiba diretta. Minflok, il-PN tefa’ r-responsabbiltà fuq “l-awtoritajiet tal-Gvern.”

Fid-dawl tad-diskussjoni li għaddejja bħalissa u fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ma jsib ebda problema li l-istess pillola tinbiegħ fis-suq, l-ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-Partit Nazzjonalista.

Din il-gazzetta staqsiet jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għandux opinjoni fuq din il-kwistjoni u jekk iva, din l-opinjoni x’inhi. Minkejja dan, bqajna mingħajr tweġiba diretta, anke jekk kelliem tal-PN qalilna li l-Partit iħoss li din mhux kwistjoni tal-politiċi u li jeħtieġ ikunu “l-awtoritajiet tal-Gvern li jiddeterminaw dan il-prodott jistax jinbiegħ Malta jew le.” Mal-ILLUM, il-PN ikompli jgħid li “l-liċenzjar tal-morning after pill f’Malta m’għandux jiġi determinat mill-politiku imma mill-awtoritajiet kompetenti.”

Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti tal-Gvern permezz ta’ Anthony Serracino Inglott bħala chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, diġà qalu li f’Malta hawn pillola aċċessibbli u għall-bejgħ mill-ħwienet, li għandha eżatt l-istess effett tal-morning after pill u li għalhekk, l-oppożizzjoni għall-pillola hija inutli.

Minkejja li x’jaħseb il-Kap tal-PN ma nafux eżatt, numru ta’ deputati nisa mill-istess partit ma ddejjqu xejn jesprimu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni ta’ din il-pillola mal-ILLUM.

Dawn ma ddejqux jesprimu lilhom infushoim kontra

Dawn kienu Claudette Buttigieg,  Giovanna Debono u Kristy Debono. Dan filwaqt li Paula Mifsud Bonnici u Marthese Portelli, meta mistoqsijin dwar il-morning after pill, wieġbu dwar l-abort.

Buttigieg saħansitra għamlitha ċara mal-ILLUM li dwar din il-kwistjoni, hija għandha opinjoni fermament kontra u li m’għandha bżonn ta’ ebda forma ta’ gwida dwarha.

S’issa, l-ebda fergħa mill-Partit Nazzjonalista m’esprimiet il-pożizzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni, lanqas il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN). Dan b’kuntrast ma’ Nisa Laburisti u l-Forum Zgħażagħ Laburisti li esprimew ruħhom favur l-aċċessibbiltà tal-morning after pill u anke l-Alternattiva Demokratika, li ddeskriviet dan il-kontraċettiv bħala “neċessità.” 

F’idejn l-awtoritajiet mhux f’idejna jekk hux kontraċettiv jew le Partit Nazzjonalista

Din il-gazzetta staqsiet ukoll għalfejn il-PN għadu m’esprimiex opinjoni dwar din il-kwistjoni meta ż-żewġ partit l-oħrajn għamlu dan f’forma jew oħra, kif ukoll fid-dawl tad-dibattitu li għaddej fuq il-mezzi tax-xandir. Fit-tweġiba, kelliem tal-PN qal li l-partit dejjem irrisponda għall-mistoqsijiet li kellu fuq din il-kwistjoni u li “huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti biex jikkonfermaw jekk il-morning after pill hix kontraċettiv jew le.”

Fir-risposta lil din il-gazzetta, il-PN jgħid ukoll li jekk dawn l-awtoritajiet jistabbilixxu li dan il-prodott huwa kontraċettiv, “m’għandu jkun hemm l-ebda problema li jitħalla jinbiegħ f’pajjiżna. Huwa biss f’każ li jiġi stabbilit li l-pillola tikkawża abort li ma tkunx tista’ titħalla peress, kif jaf kulħadd, l-abort huwa illegali f’pajjiżna.”

F’artiklu li qed jidher illum fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, il-Professur Anthony Serracino Inglott jgħid li r-realtà ta’ pajjiżna hija li filwaqt li l-morning after pill, bħal ‘EllaOne’ mhumiex aċċessibbli, tobba Maltin jgħidu lill-pazjenti tagħhom biex jixtru sostitut bħall-Esmya. Meta mara tieħu sitta minn din it-tip ta’ pillola, ikollha eżatt l-istess effett tal-morning after pill. Il-prezz ta’ din it-tip ta’ mediċina huwa ta’ madwar €247 għal kull kaxxa.

Anke ma’ din il-gazzetta, Andrea Dibben mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u waħda minn nisa li fetħu protest ġudizzjarju, spjegat kif fil-fatt, il-morning after pill ilha teżisti f’pajjiżna fil-forma ta’ pilloli oħrajn.   

More in Politika