Zammit Lewis jappella għal buon sens mill-piloti
Is-Sur Tony Zahra sostna lil min huwa responsabbli mill-għajta tal-azzjoni industrijali għandu jpoġġi fuq il-mejda tan-negozjati u juża l-forza tal-argument
minn John Busuttil
Waqt il-laqgħa bejn il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) u l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis spikka d-dibattitu dwar il-kwistjoni tal-linja nazzjonali tal-Airmalta. Il-Ministru Zammit Lewis jerġa’ jirrijafferma l-pożizzjoni tiegħu u jappella għal buon sens mill-piloti tal-linja nazzjonali tal-ajru. Il-Ministru qal li l-isfidi tal-istess linja nazzjonali Airmalta ilhom għal diversi xhur jiġu diskussi mal-MHRA. Huwa stqarr li mhu se jħalli lil ħadd jagħmel gambetti lis-settur turistiku f’perjodu ta’ kummerċ qawwi u fl-istess ħin meta l-Gvern qed jaħseb għal vijabbiltà fit-tul tal-Airmalta. Il-Ministu aċċerta li meta jkun il-mument opportun se jkun qed jiddiskuti kull negozjat mal-ħaddiema u mal-poplu Malti inġenerali u għalhekk talab għall-appoġġ tal-MHRA biex jiġi ssalvagwardjat is-settur turistiku li miexi tajjeb.
F’dan ir-rigward il-President tal-MHRA is-Sur Tony Zahra sostna lil min huwa responsabbli mill-għajta tal-azzjoni industrijali għandu jpoġġi fuq il-mejda tan-negozjati u juża l-forza tal-argument u mhux l-argument tal-forza. Huwa tenna li jekk l-argument mhux sod żgur li mhux se jsibu l-partijiet interessati warajhom iżda wieħed irrid ikun raġonevoli u sensibbli.
Waqt l-istess laqgħa, il-Ministru u l-Kunsill tal-MHRA tkellmu dwar Brexit. Il-Ministru kellu kliem ta’ tifħir għall-iniżjattiva li ħadet din l-assoċjazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-konferenza Brexit tal-ġimgħa li għaddiet. Hawnhekk ġie diskuss fid-dettall u ngħata għarfien b’mod wiesgħa x’impatt pajjiżna jista’ jkollu fl-industrija tat-turiżmu kif ukoll ingħatat ċertezza li mhux se jkun hemm bidla mil-lum għal għada. Fl-isfond tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Ministru Zammit Lewis esprima l-ħsibijiet tiegħu konnessi ma’din l-inċertezza u tenna li pajjiżna ma kellu l-ebda kontroll. Huwa żied jgħid li bħalissa l-Ministru għat-Turiżmu qed isegwi mill-viċin x’qed iseħħ u li flimkien mal-MHRA u mal-operaturi turistiċi qed isiru taħdidiet biex pajjiżna jilqa’ mill-ewwel għal kwalunkwe impatt li jista’ jkollna.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fakkar ukoll li Malta qed tesperjenża rekord wara l-ieħor fis-settur tat-turiżmu kemm fil-wasliet u kif wkoll fl-infieq u tenna li dawn ir-riżultati ottimisti u inkoraġġanti ċertament juru li l-inizjattivi u l-politika implimentata f’dan is-settur qed jiffunzjonaw tajjeb u jagħtu l-frott. Dr. Zammit Lewis enfasizza wkoll l-importanza tat-titjib tal-prodott li għandu jiġi offrut lit-turist li jżurna billi jseħħ immodernizzar u tisbiħ ta’ żoni differenti madwar pajjiżna sabiex nattiraw aktar turisti ta’ kwalità. “Il-Gvern huwa konxju li jrid jindirizza dawn il-materji u għalhekk fost inizjattivi varji introduċa l-miżura tal-Eko Kontribuzzjoni, fejn id-dħul kollu minnha jkun esklussivament indirizzat lejn it-titjib tal-infrastruttura lokali urbana u sabiex jiġi offrut titjib fil-prodott inġenerali ta’ pajjiżna” kompla jgħid.
Sadanittant, iż-żewġ partijiet iddiskutew ukoll il-ħaddiema fis-settur turistiku, fejn ikkumentaw dwar l-importanza li jkollna aktar ħaddiema f’dan il-qasam li jkunu kwalifikati u dedikati, b’attenzjoni għad-dettal u li ma jħarsux lejn xogħolhom sempliċiment bħala mezz fejn jaqilgħu l-ħobża tagħhom imma bħala karriera vokazzjonali li tagħtihom soddisfazzjon u kif ukoll opportunità li l-karriera tagħhom tikber. Hawn il-Ministru reġa’ tenna li bħala Gvern, qed issir ħidma sabiex aktar ħaddiema Maltin jagħżlu karriera fl-industrija tat-turiżmu billi jitjiebu kemm il-kundizzjonijiet u l-pagi f’dan is-settur.
Il-Ministru għat-Turiżmu kkonkluda din il-laqgħa billi rringrazzja lil MHRA tal-kooperazzjoni u sostna li huwa jemmen li l-ħidma kontinwa u konġunta bejn il-Gvern u s-settur privat fil-qasam tat-turiżmu hija s-sigriet wara dan is-suċċess f’din l-industrija. “Din il-kollaborazzjoni hija l-garanzija għal aktar suċċessi fil-ġejjieni u kif ukoll sabiex intejbu l-prodott tagħna, is-servizzi li noffru u b’hekk insiru aktar destinazzjoni li tiġbed aktar turisti ta’ kwalità li jħallu aktar infieq,” temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu.