L-Air Malta tressaq mandat ta' inibizzjoni kontra l-union tal-piloti

...għax tgħid li l-azzjoni industrijali minn naħa tal-ALPA tippreġudika l-operat tal-kumpanija

Illum l-Air Malta ressqet mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront tal-union tal-piloti tal-Air Malta sabiex ma tittieħedx azzjoni industrijali min-naħa tal-ALPA, liema azzjoni tkun tat-tip li tippreġudika l-operat tal-kumpanija, il-qagħda finanzjarja tagħha jew li taffettwa n-negozjati li jinsabu għaddejja, ħalli l-Gvern jagħti vijabbiltà kummerċjali fit-tul lil-linja tal-ajru tagħna.

Il-Qorti minnufih laqgħet dan il-mandat b’mod proviżorju u appuntat il-kawża għas-smigħ għal nhar it-22 ta’ Lulju, 2016.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sostna li se jagħmel minn kollox sabiex tiġi salvagwardjata l-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta u n-negozjati li għaddejjin bħalissa sabiex l-Air Malta ssib sieħeb strateġiku. ‘‘Dan il-mandat huwa azzjoni legali kif ukoll att simboliku. Irridu nagħtu sinjal li se niddefendu l-Air Malta b’kull mod possibbli, kemm mil-lat legali kif ukoll mil-lat kummerċjali, u dan il-mandat huwa l-aħħar azzjoni li nistgħu nieħdu sabiex neżawrixxu l-pożizzjonijiet legali kollha li għandna għad-dispożizzjoni tagħna”, żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu.

L-Air Malta u t-team maħtur mill-Ministru Zammit Lewis, immexxi mill-President Emeritu Dr George Abela, se jibqa’ jaħdem u jiddiskuti mal-ħaddiema ħalli jinstabu soluzzjonijiet li huma aċċettabbli għaż-żewġ partijiet u li huma raġjonevoli.

 

 

More in Politika