Il-PN u l-PL ras imb ras wara l-budget

Għalkemm il-PN jinsab ħarira żgħira quddiem, huma biss 16% li jafdawh bil-finanzi tal-pajjiż 

Stħarriġ tal-MaltaToday juri li wara l-budget, il-PN jinsab 2,600 vot fuq quddiem b’distakk ta’ punt wieħed perċentwali fuq il-PL.  

Għalkemm dan id-distakk hu tant żgħir li statistikament jidħol fil-marġni ta’ żball tal-istħarriġ, ir-riżultat jikkonferma għal darb’oħra li l-PL mhux biss tilef il-maġġoranza superlattiva li kellu fl-2022, iżda kompla jnaqqas mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. 

Iżda dan ir-riżultat jindika li l-budget għen lill-PL li kien 12,000 vot minn taħt fi stħarriġ li sar f’Settembru, jirkupra xi ftit imma mhux biżżejjed biex iserraħ rasu. 

Dan hu l-iktar dovut għall-fatt li l-PL jitlef 26% tal-voti tiegħu fl-elezzjoni tal-2022 għal astensjoni waqt li l-PN jitlef biss 4%. Madankollu l-PN beda jiekol xi ftit ukoll mill-elettorat Laburista. Waqt li 4% tal-votanti Laburisti bħalissa beħsiebhom jivvutaw PN, huma biss 2% tal-votanti tal-PN li beħsiebhom jagħmlu bil-kontra. Madankollu l-PN qed jitlef kważi 8% tal-voti tiegħu għal partiti żgħar li qed jieklu ferm iktar mill-PN milli mill-PL.  

Iżda minkejja li l-oppożizzjoni tinsab quddiem bi żbrixx, l-istħarriġ jikkonferma żewġ problemi serji li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista; in-nuqqas ta’ fiduċja fil-kap tiegħu li jinsab 18-il punt perċentwali taħt il-Prim Ministru Robert Abela u n-nuqqas ta’ fiduċja fl-abiltà tal-partit li jmexxi l-finanzi tal-pajjiż. Tant hu hekk li huma inqas minn 16% li jafdaw lill-PN fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż. Iktar allarmanti għall-oppożizzjoni hu l-fatt li huma biss 48% tal-votanti Nazzjonalisti li jafdaw il-partit tagħhom bil-finanzi tal-pajjiż u fost dawk li beħsiebhom ma jivvutawx, assolutament ħadd ma jafda lill-PN f’dan il-qasam kruċjali. L-unika konsolazzjoni għall-PN hi li għalkemm il-PL hu iktar fdat, il-maġġoranza relattiva (34.6%) m’għandhom fiduċja fl-ebda partit anki f’dan il-qasam. 

L-istħarriġ juri wkoll li minkejja l-budget intlaqa’ tajjeb, kwart tal-votanti ma jafux jekk il-budget laqathomx tajjeb jew ħażin, u terz jaħsbu li ħalliehom fl-istess pożizzjoni finanzjarja minkejja t-tnaqqis sostanzjali fit-taxxi li kważi laqat lil kulħadd. Din tista’ tkun indikazzjoni li bosta votanti mhux qed isegwu minkejja ż-żieda fit-temperatura politika fl-aħħar ġimgħat.

More in Politika