L-infrastruttura mhijiex addatata għall-miżuri li ħabbar Chris Bonett

Din il-kritika ħarġet mingħand nies bi sfond fit-trasport sostenibbli fuq il-miżuri li ħabbar Chris Bonett sabiex jitnaqqas it-traffiku f’Malta

Thérèse Bajada (xellug taħt) u Mark Trapani (xellug fuq) jitkellmu fuq it-tibdil li jrid isir sabiex dawn il-miżuri jkunu ta' suċċess
Thérèse Bajada (xellug taħt) u Mark Trapani (xellug fuq) jitkellmu fuq it-tibdil li jrid isir sabiex dawn il-miżuri jkunu ta' suċċess

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar lista ta’ miżuri bl-għan li jitnaqqas it-traffiku fit-toroq Maltin. Fost dawn il-miżuri hemm inċentivi li jħajru lil dak li jkun ipartat il-liċenzja tiegħu għal €25,000, u oħrajn li jħeġġu lis-sewwieqa jeqilbu minn karozza għal mutur jew motorin.   

Dawn il-miżuri kienu kemxejn kontroversjali. Kien hemm min qal li mhux lest jagħmel din il-bidla jew li din mhux ħa tħeġġeġ lil ħafna nies. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi esperti fil-qasam tat-trasport, minn sferi differenti, fuq l-esiġenza u l-importanza ta’ mezzi ta’ trasport alternattiv.  

Il-lettriċi Thérèse Bajada fil-qasam tat-tibdil fil-klima u żvilupp sostenibbli fl-Università ta’ Malta, qasmet ħsibijietha mal-gazzetta ILLUM mill-angolu akkademiku fuq is-sitwazzjoni tat-trasport f’Malta. Bajada saħqet fuq l-importanza li l-infrastruttura tiġi addatata għall-miżuri li ħabbar il-Gvern qabel ma jitwettqu l-proposti, b’mod partikolari l-park and ride u s-siti fejn jitrakka l-vapur. L-infrastruttura trid tkun waħda “adegwata u sigura” kif ukoll irid ikun hemm konnessjoni tajba mas-servizz tat-trasport pubbliku.   

Mark Trapani, il-President tal-għaqda ambjentali Rota, qal li l-proposti tal-Gvern huma varji u għadu mhux ċar kif dawn ħa jiġu implimentati. Hu rrimarka kif il-Gvern qed juża inċentivi finanzjarji sabiex iħeġġeġ l-użu ta’ trasport alternattiv. Trapani jisħaq fuq l-importanza li n-nies għandhom jeqilbu għal mezzi sostenibbli għax jafu li huwa iżjed loġiku biex jużawhom, u mhux għax qed jiġu mħallsa.   

“Ir-riskju ta’ dan huwa li toqtol il-motivazzjoni intrinsika li persuna li qed tipprova tibdel il-mod ta’ kif tivvjaġġa, ladarba mhux qed jitħallas jew jieqaf jitħallas meta l-iskema tispiċċa – kif ukoll taljena għalkollox dawk in-nies li diġà qed jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu parti mis-soluzzjoni kontra t-traffiku,” jistqarr Trapani.  

“Primarjament irid jitwaqqaf qafas legali (presumed liability) li jħares in-nies l-aktar vulnerabbli fit-triq f’każ t’aċċident, id f’id ma’ żvilupp infrastrutturali maħsub u jipprijoritizza aktar il-persuni li jixtiequ jużaw mezzi alternattivi ta’ transport,” qal Trapani meta mistoqsi x’hemm bżonn sabiex negħlbu l-kultura ta’ karozzi. 

Bajada qalet li l-infrastruttura għandha tindirizza mezzi oħra tat-trasport minflok il-karozza biss, pereżempju il-vulnerable road users, jiġifieri dawk li jsuqu r-rota jew jimxu, kif ukoll bus priority bħall-Bus Rapid Transit (BRT) ħalli t-trasport pubbliku ma jeħilx fit-traffiku. Il-BRT hija sistema simili għall-metro, b’iżjed konvenjenza u effiċjenza.   

Hi qasmet ir-riżultati ta’ riċerka li għamlet fejn sabet li hawn ħafna nies lesti li jeqilbu għal mezzi ta’ trasport alternattiv bħar-rota u anke l-mixi, imma minnhom hawn ħafna li jibżgħu għas-sigurtà tagħhom. Speċifikament, mill-irresponsabbiltà ta’ ċerti nies li jsuqu u l-infrastruttura li hija attrezzata għall-karozzi biss.  

Trapani uża postijiet b’ġeografija u klima simili ta’ Malta bħal Sqallija, il-Portugall u Ċipru bħala mudelli għall-infrastruttura Maltija. Hu għamel referenza wkoll għal linji gwidi internazzjonali bħall-CROW, li nistgħu nadattaw f’Malta bi nfiq minimu.  

“Hemm lok fejn bejn il-lokalitajiet titranġa l-konnettività bejniethom b’tali mod illi l-infrastruttura tkun maħsuba sabiex isservi biex tipproteġi lil min juża l-mobilità attiva,” stqarret Bajada. Hi ssuġġeriet ukoll li f’ċerti żoni, speċjalment ħdejn l-iskejjel u l-qalba ta’ lokalitajiet, jitħallew jgħaddu mill-inqas vetturi b’veloċità massima ta’ 30 km fis-siegħa. Dawn iż-żoni jħeġġu lin-nies jeqilbu għal mezzi oħra ta’ trasport, u jkunu iżjed siguri għal nies li jimxu jew ikunu bir-rota.   

Rigward il-mezzi differenti ta’ trasport alternattiv, ir-riċerka wriet kif in-nies iżommu ’l bogħod milli jużaw it-trasport pubbliku minħabba n-nuqqas ta’ puntwalità, l-ambjent fuq il-karozza, kif ukoll l-istejġ. “Jekk it-trasport pubbliku ikun affidabbli, in-nies tużah.” Il-lettriċi tkellmet ukoll fuq il-projbizzjoni tal-kiri tal-iscooters elettriċi, kif din il-projbizzjoni setgħet ġiet evitata kieku kien hemm infurzar u edukazzjoni aħjar ta’ kif wieħed jista’ jigwadanja minn dan il-mezz ta’ trasport alternattiv.  

Il-President tal-Għaqda qal li l-projbizzjoni tal-kiri tal-iscooters elettriċi kienet “pass kbir lura.” Dan hekk kif in-nies li qabel kienu jivvjaġġaw bl-iscooters, issa qed jużaw karozza jew taxi; metodi li lkoll jikkontribwixxu għaż-żieda fit-traffiku flok inaqqsuh. Hu qal kif bi pjan u infurzar serju, dawn għandhom potenzjal kbir u jistgħu jkunu utli fil-ġlieda kontra t-traffiku. Skontu, il-problema ma kinitx l-iscooters imma l-mod ta’ kif ġew introdotti mingħajr ippjanar.    

Hu qal li fil-grupp tal-Għaqda fuq Facebook “Komunità Rota” għandu iżjed minn 6,000 persuna li lesti, jew diġà, jużaw ir-rota. Tkellem ukoll fuq dawk in-nies fil-komunità li jibżgħu għas-sigurtà tagħhom meta jkunu bir-rota.  

L-edukazzjoni hija strument importanti ħafna sabiex niġġieldu l-problema tat-traffiku u neqilbu għal mezzi ta’ trasport sostenibbli. Dan kien sentiment prominenti waqt id-diskussjoni ma’ Bajada, hekk kif hi sostniet l-importanza li l-edukazzjoni fuq dan tibda minn tfal. Jekk it-tfal jitgħallmu l-benefiċċji tat-trasport alternattiv, dawn ħa japprezzawh u jduru fuqu iżjed la jikbru. L-edukazzjoni m’għandhiex tintuża mat-tfal biss imma anke għall-adulti.   

Trapani stqarr li l-edukazzjoni hija essenzjali għal kull età. Hu sostna l-importanza ta’ poplu li jkun edukat fuq kif għandu jġib ruħu fit-triq, bi kwalunkwe mezz ta’ trasport, b’enfasi fuq sewwieqa tal-karozzi li għandhom ikunu mgħallma kif jinteraġixxu ma’ nies li jużaw mezz ta’ trasport sostenibbli.

More in Politika