Bernard Grech jaqa’ lura bil-kbir

Il-PL jirbaħ lura votanti li kien qed tilef għall-astensjoni u qed iżomm iktar voti li kellu fl-2022 mill-PN 

 

Stħarriġ ġdid mill-gazzetta oħt tal-MaltaToday qed juri li l-Partit Laburista qiegħed fuq quddiem bi kważi 9 punti perċentwali fuq il-Partit Nazzjonalista. 

Dan ifisser li jekk joħorġu jivvutaw 77.5% tal-votanti kif previst fl-istħarriġ, il-Partit Laburista llum qed igawdi vantaġġ qawwi ta’ 24,000 vot.  

Dan huwa d-doppju tad-distakk irreġistrat fl-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday li kien sar fi Frar li għadda. 

Ir-raġuni ewlenija wara din iż-żieda fl-appoġġ għall-Partit Laburista hi t-tnaqqis fl-ammont ta’ votanti Laburisti li ma kinux beħsiebhom jivvutaw. 

Waqt li fi Frar li għadda kważi 21% tal-votanti Laburisti fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 ma kienx beħsiebhom jivvutaw, dan l-ammont issa naqqas għal 11%. 

Iżda waqt li l-ammont ta’ votanti Laburisti li beħsiebhom jastjenu naqas, l-istħarriġ juri xejra ferm differenti fl-elettorat Nazzjonalista, tant li l-ammont ta’ votanti Nazzjonalisti li mhux beħsiebhom jivvutaw żdied minn 13.5% fi Frar għal 19% f’April. 

Waqt li fi Frar il-PL kien qed iżomm 65.5% tal-voti li kellu fl-2022, illum qed iżomm 80.4%. Min-naħa l-oħra, il-PN qed iżomm kważi 78% tal-voti li kellu. 

Dawn ir-riżultati jindikaw li l-istrateġija ta’ Robert Abela li jappella iktar għal votanti Laburisti tradizzjonali qed taħdem. Din l-istrateġija kienet riflessa fir-riforma tal-inkjesti maġisterjali li kienet intiża biex tirkeb fuq is-sentiment tal-elettorat Laburista kontra kritiċi tal-Gvern bħal Jason Azzopardi u Repubblika u b’enfasi ikbar fuq temi għeżież għal-Laburisti bħan-newtralità. 

Min-naħa l-oħra l-astensjoni ikbar fost l-elettorat Nazzjonalista tindika sens ta’ diżorjentazzjoni u qtigħ il-qalb fil-Partit Nazzjonalista. 

L-istħarriġ jikkonferma d-dgħufija tat-tmexxija ta’ Bernard Grech li hu fdat biex imexxi l-pajjiż biss minn 20% tal-elettorat, 27 punt inqas minn Robert Abela. Anki fost votanti li beħsiebhom jivvutaw PN, huma biss 58% li jafdaw lil Grech bit-tmexxija tal-pajjiż. U fost dawk li mhux se jivvutaw huma biss 2.5% li jafdaw lil Grech waqt li 25% jafdaw lil Abela. 

More in Politika