Taħt L-Awtorita' l-ġdida tal-lands, każ bħal ta' Gaffarena ma kien jiġri qatt. Hekk sostniet is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet Deborah Schembri meta illum ħabbret lid-dettalji tar-riforma f'dak li kien magħruf bħala d-Dipartiment tal-Lands.
Il-Kummissarju tal-Lands se jinbidel b'bord ta' żewġ gvernaturi, appuntati mill-Prim Ministru, Deputat tal-Gvern, Deputat tal-Oppożizzjoni u żewġ persuni nominati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ma' dawn ukoll se jingħaqdu perit u arkitett.
Dan il-bord se jkun responsabbli mill-politiki tal-awtorità u permezz tiegħu s-setgħa tal-politiku se tkun mnaqqsa u relegata għal waħda li sempliċiment tagħti direzzjoni. B'hekk, issa Ministru, mhux se jibqa' jkun il-persuna li tiffirma u b'hekk tagħti l-aħħar kelma fi ftehim mill-istess awtorità. Se jkun Kap Eżekuttiv ġdid, maħtur wara sejħa pubblika, li jara illi d-deċiżjonijiet ikunu implimentati.
Intant kull biċċa xogħol li tinvolvi art jew proprjetà tal-Gvern u li jkollha valur ta' aktar minn €100,000 trid tgħaddi minn taħt idejn awditur, li jkollu s-setgħa jiskrutinizza kull ftehim li jsir. L-Awtorità se tkun qed iżżomm ukoll reġistru pubbliku onlajn illi fih tagħti r-raġunijiet għalfejn applikazzjoni tkun miċħuda jew aċċettata.
"Aħna rridu li din l-awtorità tkun waħda li tiffunzjona indipendentament mill-politiċi u li tiftaħ it-triq 'l quddiem għal mudell kompletament ġdid minn dak li ħadem bih id-Dipartiment." Schembri kompliet tgħid li "s-sistema preċedenti falliet u falliet għall-poplu u għall-ħaddiema tal-lands. Issa s-sistema trid tkun waħda bis-salvagwardji kollha," temmet tgħid Schembri.