Wara li l-Ħadd li għadda il-gazzetta ILLUM żvelat kif erba' sidien ta' ħwienet se jkunu żgumbrati min-negozju li għandhom fil-viċinanzi tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann u wara sensiela ta' mistoqsijiet mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus nhar it-Tnejn filgħaxija il-Prim Ministru Joseph Muscat għarraf lill-Parlament illi minkejja li l-Gvern m'għandu ebda obbligu lejn il-kerrejja, xorta se jkun qed jaħdem biex tinstab soluzzjoni. Minkejja dan, jidher li s-soluzzjoni ta' post alternattiv fil-Belt Valletta stess, hija waħda li m'għadhiex qed tkun ikkunsidrata.
Fil-Parlament il-PM, fakkar kif "għalkemm il-Gvern mhux teknikament u kontrattwalment dovut iħallas kumpens f'każ li l-kirja ma tkunx imġedda, xorta qed jikkusidra alternattivi ta' kif jista jagħmel dan." Muscat qal ukoll illi filwaqt li d-Dipartiment tal-Artijiet, li jaqa' taħt l-uffiċċju tiegħu, beda jara x'inhuma l-alternattivi għas-sidien tal-ħwienet "saret riċerka biex ikun stabbilit jistgħux jiġu identifikati siti alternattivi pero ma nstabitx proprjeta' adattata.
Il-Prim Ministru avża lill-Parlament illi l-laqgħat mas-sidien tan-negozju se jibdew dalwaqt. Il-Ħadd li għadda l-ILLUM indikat illi tnejn mill-erba' negozji qegħdin fuq in-naħa tad-daħla tal-Kon Katidral, filwaqt li t-tnejn l-oħra qegħdin fi Triq il-Merkanti.