Dalgħodu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo żaru fiera tal-karrieri mtella’ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Ministru Dalli u l-Ministru Bartolo żaru bosta stands ta’ aġenziji u kumpaniji privati fejn tkellmu mal-esibituri dwar il-bosta opportunitajiet ta’ karrieri u xogħol li dawn qed joffru liż-żgħażagħ.
F’kummenti li tat fi tmiem iż-żjara, il-Ministru Helena Dalli faħħret lill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar għal din l-inizjattiva u enfasizzat il-ħtieġa li kull kunsill lokali jorganizza attivitajiet fejn iż-żgħażagħ ikollhom iċ-ċans li jaraw x’opportunitajiet jeżistu sa minn kmieni fis-sekondarja.
Il-Ministru Dalli semmiet il-qasam tal-farmaċewtika u qalet li dan huwa wieħed mis- setturi fejn il-kumpaniji farmaċewtiċi mhumiex isibu biżżejjed ħaddiema kwalifikati f’pajjiżna li jistgħu jimpjegawhom, bir-riżultat li jkollhom iġibu ħaddiema barranin.
Dr Dalli qalet li inizjattivi bħal dawn jgħinu biex ikollna aktar diversifikazzjoni ta’ ħaddiema f’setturi differenti, skont il-bżonnijiet tal-lum.
Għal din il-fiera attendew numru ta’ żgħażagħ flimkien mal-ġenituri tagħhom fejn tkellmu mal-esibituri u anke ngħataw materjal informattiv relatat.