Maħduma bizzilla
Rekwiżiti għal impjieg mal-Gozo Channel tinbidel tliet darbiet f’ħamest ijiem
More in Politika
Rekwiżiti għal impjieg mal-Gozo Channel tinbidel tliet darbiet f’ħamest ijiem
“Applikazzjoni toħroġ tliet darbiet u fejn jidħol electrician, jinbidlu r-rekwiżiti u tispiċċa li biex tilħaq ‘leading electrician’ m’għandek bżonn kważi xejn. Basta wasslu biex bażużlu jaqbeż tnejn minn sħabu.” Hekk spjega magħna ħaddiem tal-Gozo Channel li talabna biex ma nsemmux ismu għax qal li, “wisq nibża’ mir-riperkussjonijiet.”
Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM għandha f’idejha l-formoli għall-applikazzjoni għal postijiet battala fil-Gozo Channel, bl-ewwel sejħa toħroġ fit-3 ta’ Ġunju fis-2:06pm. Waħda mir-rekwiżiti għal ‘Leading electrical officer afloat’ kienet li jrid ikun ilu impjegat mal-kumpanija aktar minn għaxar snin u rekwiżit ieħor, fost diversi oħrajn, kien li jrid ikollu ċertifikat tal-Liċenzja A fl-elettriku. Siegħa u tliet kwarti wara fl-istess ġurnata, jiġifieri fl-3:47pm l-ewwel rekwiżit inbidel u minflok għaxar snin esperjenza, wieħed ried ikun impjegat mal-kumpanija għal ħames snin.
Ħamest ijiem wara, fit-8 ta’ Ġunju fid-9.16 am ħarġet it-tielet applikazzjoni emendata għall-istess pożizzjoni fejn din id-darba waqa’ r-rekwiżit tal-Liċenzja A fl-elettriku, u l-applikant kulma kellu bżonn kien minimu ta’ diploma fl-inġinerija elettrika jew ekwivalenti.
Dan sakemm fis-6 ta’ Lulju fil-11:35am ħarġu l-ismijiet tas-seba’ min-nies li nħatru f’pożizzjonijiet, tnejn minnhom ħadu l-promozzjoni ta’ Leading Electrical Officer Afloat.
Silenzju mill-Gozo Channel u l-Ministeru
L-istess ħaddiem tal-Gozo Channel li tkellem mal-ILLUM allega wkoll diskriminazzjoni f’applikazzjoni oħra, dik għal Chief Engineer. Fil-fatt fl-applikazzjoni li għandha f’idejha l-ILLUM, tnejn mir-rekwiżiti huma li l-applikant ikun jaf jikkomunika, jikteb u jaqra bil-Malti. Dan il-ħaddiem qalilna li fil-fatt b’dan ir-rekwiżit qed jiġu maqbuża tal-inqas tliet ħaddiema. “Dawn huma barranin u ilhom jaħdmu mal-Gozo Channel ferm qabel dak li se jiġi magħżul.”
Dan il-ħaddiem qal ukoll li hemm ilmenti kbar għax ħafna ħaddiema f’ċerti dipartimenti qed jaħdmu sebat ijiem fil-ġimgħa, “b’ħafna aktar mill-40 siegħa li suppost jaħdmu.” Sadanittant iżda, xi ħaddiema li tkellmet magħhom l-ILLUM qalu li huma kuntenti li qed jaħdmu dawn is-sigħat kollha għax id-dħul finanzjarju tagħhom kiber u kiber sew, minħabba l-overtime li qed jaħdmu.”
Dwar dan il-każ, l-ILLUM għamlet kuntatt maċ-chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina u staqsiet kif u għaliex rekwiżiti għall-impjieġ ġew mibdula fi żmien tant qasir. Cordina qal li l-gazzetta għandha tagħmel dawn il-mistoqsijiet lill-Ministeru ta’ Għawdex.
Għalhekk l-ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-Minsteru ta’ Għawdex u staqsiet lill-Ministeru biex jispjega għalfejn l-istess applikazzjoni inbidlet tliet darbiet f’temp ta’ ħamest ijiem. Staqsiet ukoll lill-Ministru Anton Refalo kif iwieġeb għall-akkuża li qed issir minn bosta fi ħdan il-Gozo Channel li dawn it-tibdiliet saru biex jingħata vantaġġ xi ħadd partikolari. Madankollu ma ngħatat ebda risposta mill-Ministeru dwar dawn il-mistoqsijiet.
Fl-intervista ppubblikata fuq din il-gazzetta l-ġimgħa li għaddiet, iċ-chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina kien qal li l-ħaddiema qed jaħdmu daqshekk sigħat minħabba li ħafna ħaddiema ġemmgħu b’madwar 200 ġurnata ‘leave’ matul is-snin u flok il-kumpannija tellfitulhom, offritilhom li jeħduh b’detriment li hemm nuqqas ta’ ħaddiema. Dan il-vojt, il-kumpanija mlietu billi qabbdet kuntrattur biex iħaddem nies li jirmunkaw il-vapur. Minkejja dan, qed jingħad li dawn il-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur qed jitħallsu ferm inqas mill-kollegi tagħhom li huma mpjegati direttament mal-Gozo Channel.