Malta il-pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea

Il-Eurobarometer, juri li l-Maltin għandhom l-ogħla rata ta’ fiduċja fil-gvern nazzjonali minn fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea

Malta saret il-pajjiż bl-inqas qagħad fl-Unjoni Ewropeja
Malta saret il-pajjiż bl-inqas qagħad fl-Unjoni Ewropeja

Wara li Malta saret il-pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea kollha, l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, il-Eurobarometer, juri li l-Maltin għandhom l-ogħla rata ta’ fiduċja fil-gvern nazzjonali minn fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2012 kienu 34% tal-Maltin li jafdaw lill-Gvern, filwaqt li 52% kienu sostnew li m’għandhomx fiduċja fih. Dan il-Eurobarometer juri li issa s-sitwazzjoni nqalbet totalment. 55% għandhom fiduċja fil-Gvern, l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 32% jgħidu li m’għandhomx, l-inqas rata madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Dan l-istħarriġ jikkonferma l-ottimiżmu qawwi li qed jirrenja fost il-familji Maltin dwar l-andament ekonomiku. Fil-fatt, il-proporzjon ta’ dawk li jemmnu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni t-tajba wkoll huwa l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

80% f’Malta jemmnu li l-ekonomija tagħna sejra tajjeb. Dan huwa d-doppju tal-livell fil-bqija tal-Unjoni Ewropea u fl-istħarriġ li kien sar fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti. Fl-2012, aktar minn nofs il-Maltin kienu jħossu li l-ekonomija sejra ħażin. Illum, dan il-proporzjon naqas għal 11%.

Dan il-Eurobarometer juri li 57% jħossu li l-affarijiet f’pajjiżna sejrin fid-direzzjoni t-tajba, l-ogħla livell fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Huma biss 17% li jaħsbu li sejrin fid-direzzjoni l-ħażina, l-inqas rata osservata fost il-pajjiżi kollha. Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, meta Simon Busuttil kien qed isostni li m’hemmx bżonn bidla fid-direzzjoni, kienu biss 30% fil-Eurobarometer li kien jaqblu li l-affarijiet sejrin tajjeb f’pajjiżna. 46% kienu jemmnu eżatt bil-kontra.

Tliet kwarti tal-Maltin jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb. Dan huwa tliet darbiet il-medja taż-żona ewro. Fl-2012, il-Eurobarometer wera li 50% ta’ dawk intervistati f’Malta kienu jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer ħażin. Dakinhar, 18% biss kienu jbassru li l-ekonomija Maltija se titjieb. Illum, dan il-proporzjon laħaq it-42%. 

Filwaqt li fl-aħħar sena tal-gvern preċedenti kien hemm terz tal-familji inkwetati fuq l-ekonomija u kważi 40% imbeżżgħin mill-inflazzjoni, illum dan il-proporzjon waqa’ għal 9% u 19% rispettivament. Filwaqt li fl-2012, 24% kienu inkwetati fuq id-dejn nazzjonali, dan issa naqas għal 6%.

Dawn ir-riżultati huma konferma oħra tal-ottimiżmu u l-fiduċja fl-amministrazzjoni ta’ pajjiżna. Il-Gvern isostni r-rieda li jkompli bil-ħidma pożittiva tiegħu ħalli jkompli jitkattar il-ġid u l-qagħda tal-familji tagħna tibqa’ titjieb.

More in Politika