Neville Gafa, uffiċjal fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa kien allegat li għamel qliegħ ta’ madwar 38,000 u xtara karozza BMW wara li b’mod abbużiv ħa eluf ta’ Ewro mingħand Libjani li kienu applikaw għal viża sabiex jiġu Malta għal raġunijiet mediċi. Dan ġie żvelat fil-ġurnal The Sunday Times of Malta li qalet li dwar dan kollu kienet intbagħtet ittra mingħand whistleblower, ċertu Khaled Ben Nasan, lil Ministru Konrad Mizzi lura f’April li għadda.
Sadattant illejla l-Ministeru tas-Saħħa ħareġ stqarrija li dwar il-każ żvelat fuq is-Sunday Times of Malta u li rrefera għalih il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq allegazzjonijiet u irregolaritajiet ta’ viżas mediċi, il-Gvern ħa azzjoni immedjata u l-persuna msemmija qed tiġi investigata mill-Awtoritajiet.
L-istqarrija tkompli tgħid li Hija ħasra li l-Kap tal-Oppozizzjoni jibqa’ jitfa’ d-dubji fejn ma jeżistux u jgħid affarijiet li mhumiex vera. Bħal ma jiġri dejjem, il-Gvern dejjem jirrefera allegazzjoniet lill-Awtoritajiet independenti.