'It-tanker tal-gass huwa vendikazzjoni mal-familji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk'

Simon Busuttil jgħid li l-ambjent f’pajjina ie relegat għat-tieni divijoni

 

It-tanker tal-gass li Muscat, ix-xahar li ġej, se jpoġġi fil-bajja ta’ Marsaxlokk, huwa vendikazzjoni tal-istess Muscat mal-familji u n-negozji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk. Huwa wkoll il-monument tal-korruzzjoni ta’ Muscat, għaliex wara dan it-tanker hemm iż-żewġ persuni li nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Dan qalu l-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101. Simon Busuttil qal li bejn l-għażla tal-interessi personali tiegħu u l-interess tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, Muscat qed jagħżel l-interessi personali tiegħu.

Hu ddeskriva dan it-tanker bħala daqqa ta’ ħarta kbira għar-residenti, u dan għaliex pajjiżna m’għandux bżonn dan it-tanker tal-gass għaliex pajjiżna għandu l-infrastruttura neċessarja għall-enerġija f’pajjiżna, fost l-oħrajn b’Power Station ġdida li bdiet taħdem fl-aħħar tal-2012, kif ukoll interconnector ġdid.

Simon Busuttil qal li daqqa ta’ ħarta oħra lill-kredibilità ta’ pajjiżna huwa l- fatt li biex jinawgura dan it-tanker, Muscat ħa miegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, li suppost keċċihom u mhux ħadhom miegħu Singapore.

Pajjina jinsab fi stat ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata

Simon Busuttil spjega li s-silenzju tal-Prim Ministru dwar ir-riżenja tad- Direttur tal-FIAU - l-aġenzija li tinvestiga l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus - hija konferma ta’ kemm pajjiżna jinsab fi stat ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata. Hu fakkar li f’April li għadda, l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien ikkonferma fil-Parlament li din l-aġenzija kienet qed tinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrepeta numru ta’ mistoqsijiet li l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu tweġiba għalihom:

  • L-investigazzjoni tal-FIAU dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi tlestiet?

  • X’inhuma l-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni?

  • Veru li r-rapport tlesta u ntbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex dan jieħu passi kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi?

  • Veru li jumejn wara li ntbagħat dan ir-rapport, Michael Cassar irriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija?

  • Veru li l-Kummissarju attwali Lawrence Cutajar ma ħax passi fuq dan ir- rapport li hu wiret?

Fir-reazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tagħti l- permess biex jinbnew ħames torrijiet - erba’ fl-Imrieħel u wieħed f’Tas- Sliema - l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan hu l-ewwel riżultat tal- qasma fil-MEPA, li biha, l-ambjent ġie relegat għat-tieni diviżjoni.

Simon Busuttil fakkar li r-responsabbiltà hi tal-Prim Ministru li kien hu li f’Lulju tas-sena li għaddiet, mar fil-Parlament, biex neħħa l-ambjent mill- Awtorità tal-Ippjanar, tant li fid-deċiżjoni ta’ nhar il-Ħamis li għadda, l- Awtorità tal-Ambjent kienet assenti mid-deċiżjoni dwar it-torrijiet. Hu fakkar li kienu n-nies u l-Partit Nazzjonalista - permezz tad-Deputat Ryan Callus - li ddefendew l-ambjent ta’ pajjiżna. Ryan Callus ivvota kontra l- permess lil dawn it-torrijiet għaliex fil-każ tal-Imrieħel, se tiġi affetwata l- veduta ta’ Malta, waqt li fil-każ ta’ Tas-Sliema, l-iżvilupp mhuwiex wieħed raġonevoli.

 

More in Politika