'Għandkom tkunu kburin bikom infuskom għax intom l-eroj tal-pajjiż'
Mijiet ta' eluf ħonqu Istanbul f'wirja ta' saħħa minn Erdogan f'dak li hu meqjus l-akbar rally li qatt sar fit-Turkija
More in Politika
Mijiet ta' eluf ħonqu Istanbul f'wirja ta' saħħa minn Erdogan f'dak li hu meqjus l-akbar rally li qatt sar fit-Turkija
Mijiet ta' eluf ħonqu l-akbar belt fit-Turkija, għal rally li għaqqad lill-President, lill-Prim Ministru u żewġ kapijiet tal-Oppożizzjoni kontra l-kolp ta' stat li falla f'Lulju li għadda.
"Id-dinja għajnejha fuqkom bħalissa," qal il-president Erdogan lill-folla enormi quddiemu. "Għandkom biex tkunu kburin. Kull wieħed u waħda minnkom iġġilidtu għal-libertà u d-demokrazija. Kollha kemm intom eroj tat-Turkija."
Erdogan ikkundanna lil dawk li kienu wara l-kolp ta' stat fallut fil-15 ta' Lulju u sejħilhom bħala organiżazzjoni terroristka. "Iżda l-pajjiż jaf li aħna qawwijin biżżejjed biex inkissru kull kolp ta' stat."
Ġurnalisti sejħu dan l-avveniment bħala l-akbar folla li qatt attendiet għal rally politiku fit-Turkija fl-istorja Torka. Dan ir-rally kien imsejjaħ bħala rally tad-demokrazija u l-martri fejn Erdogan ħeġġeġ lil dawk li attendew biex magħhom iġibu biss bnadar tat-Turkija u xejn iżjed. Il-Prim Ministru Binali Yildirim li hu wkoll il-kap tal-AKP flimkien mal-Kap tar-repubblikani Kemal Kilicdaroglu u l-kap tal-moviment nazzjonalista Devlet Bahceli kienu preżenti wkoll. Il-kapijiet li huma favur il-partit tal-Kurdi ma ġewx mistiedna. Il-PKK li ilhom mill-1984 jiġġieldu għal awtonomija Kurda huma meqjusa bħala organizazzjoni terroristika mit-Turkija, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Il-media kollha Torka ħeġġet lill-poplu biex jattendu dan ir-rally. Aktar minn 70,000 bejn militar, ġudikanti, taċ-ċivil u ħaddiema tal-edukazzjoni ġew arrestati jew sospiżi wara l-attentat ta' kolp ta' stat li ħalla 270 persuna mejta. Il-persuna li kien wara l-kolp ta' stat Fethullah Gulen li darba kien alleat ta' Erdogan ħarab u jinsab f'Pennsylvania fl-Istati Uniti u l-Prim Ministru Tork waqt ir-rally qal li Gulen irid jinġieb lura t-Turkija ħa jħallas għal dak li wettaq.