Kompla jgħerreq il-vapur
minn Rosianne Cutajar
Simon Busuttil ħa t-tmun tal-Partit tiegħu ftit wara li l-Partit Nazzjonalista ġarrab l-akbar telfa elettorali fl-istorja tiegħu. Ta’ dan il-ġest bħal donnu jieħu mertu ta’ paladin, mertu talli ngħaqad biex imexxi vapur mgħerreq. Bħallikieku mhux anke hu kkontribwixxa biex dan il-vapur jiġġarraf.
Għal min nesa, Simon Busuttil kien delegat speċjali u kiteb għal darba tnejn il-manifest elettorali tal-Parit Nazzjonalista. Fuq il-kuxjenza tiegħu, diġà għandu l-ħtija li l-vapur tal-Partit Nazzjonalista għereq iżda l-akbar ħtija li għandu hu li lil dan il-vapur niżżlu fil-qiegħ.
Simon falla kull previżjoni, kemm bħala delegat speċjali kif ukoll issa bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Qabel l-elezzjoni kien jgħidilna ‘Labour won’t work’, u li l-qgħad se jisplodi. Illum, fl-2016 nistgħu niftaħru li f’pajjiżna għandna l-anqas rata ta’ qgħad irreġistrata li hija wkoll l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Nazzjonalisti stess jgħidu fit-toroq li pajjiżna qas fi żmien Fenech Adami ma kien mifqugħ daqshekk bix-xogħol! U allura ma neħodiex b’sorpriża meta naqra li Joseph Muscat igawdi l-ogħla rata ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini kolha tal-Unjoni Ewropea. Ma neħodiex bi kbira li ma jgħaddix jum fejn il-Partit Nazzjonalista ma jippruvax itellef minn dan il-feel good factor li qed igawdi minnu pajjiżna.
Nazzjonalisti stess jgħidu fit-toroq li pajjiżna qas fi żmien Fenech Adami ma kien mifqugħ daqshekk bix-xogħol
Simon Busuttil hu għajjur, mhux biss għas-suċċessi ta’ dan il-Gvern, imma għax mhux qed jirnexxielu jagħmel dak li għamel Joseph Muscat meta kien Kap tal-Oppożizzjoni. Bħal Simon Busuttil, Joseph Muscat ħa t-tmun ta’ vapur imġarraf iżda rnexxielu mhux biss isewwi l-ħsarat, iżda jdaħħal lill-istess vapur b’aktar nies abbord ġo port għall-kenn. Min-naħa l-oħra, fl-aktar żmien li l-Partit Nazzjonalista imissu jingħaqad, jinsab mifrud aktar minn qatt qabel. Mhuwiex sigriet jekk ngħid li huma ħafna dawk li internament ma jaqblux mal-istil tat-tmexxija ta’ Simon Busuttil li xi kultant teħodna lura għat-tmeninijiet. Fost l-oħrajn, għandu nuqqas ta’ kandidati ġodda kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell nazzjonali, u jekk wieħed iħares lejn il-membri parlamentari tiegħu, ma jiskantax. Lawrence Gonzi stess kien jgħid li għandu nuqqas ta’ deputati ta’ kwalità, iżda Simon Busuttil mhux b’inqas. Rari naraw policies ħerġin min-naħa tal-PN, u l-ftit li jippubblikaw wara xhur twal ta’ stennija, ikunu nofshom ikkupjati, diġà qed jiġu implimentati jew agħar minn hekk, ma jagħmlux sens! Meta l-Partit Nazzjonalista jiġi kkonsultat mill-Gvern, ma jipproponu xejn, u agħar minn hekk anqas biss jgħaddu l-kummenti tagħhom, bħalma ġara fuq il-liġi ġdida tal-Awtorità tal-Artijiet.
Issa qabdu attitudni ħelwa li anqas rappreżentanti biex jitkellmu fuq suġġetti varji mhuma jibagħtu. Hija ċara li jibżgħu mill-konfront. Għaliex x’jistgħu jgħidu fi programm televiżiv li jiddiskuti x-xogħol? L-unika inizjattiva li ħareġ biha Simon Busuttil hija l-iskema ċedoli, skema ta’ dejn sigriet a la Partit Nazzjonalista li minkejja li għandu bokka biha, irriżultat f’falliment.
Fl-ewwel ta’ Mejju 2016, il-PN qal li qed ikun il-vuċi tar-raġuni iżda ħlief ereżijiet ma jgħidx. U issa bħal donnu li anke d-deputati parlamentari u l-MEPs tiegħu qed jittieħdu minnu! Claudette Buttigieg tgħidilna li taħt il-Labour qed nimirdu aktar u li l-kura primarja m’għadhiex taqa’ taħt il-qasam tas-saħħa, u Roberta Metsola qaltilna li tant hawn faqar li sal-aħħar tax-xahar, in-nies mhux qed ikollhom flus biex iħallsu l-liċenzja tat-televixin! Vera tinsab Brussell imma mid-dehra qisha ilha snin li nqatgħet mir-realtà ta’ pajjiżna!
L-aktar ereżija riċenti ta’ Simon Busuttil hija meta qal li jrid li l-Freeport jikber. Malajr nesieħ l-islogan ikkupjat ‘Idea Ambjent’ li għamel xhur twal jippoppa sidru bih
L-aktar ereżija riċenti ta’ Simon Busuttil meta qal li jrid li l-Freeport jikber. Malajr nesieħ l-islogan ikkupjat ‘Idea Ambjent’ li għamel xhur twal jippoppa sidru bih fi protesta wara l-oħra! Addio standards ambjentali u lezzjonijiet dwar ħarsien tal-ambjent. Għandikun ODZ m’għadux ODZ fil-każ tal-Freeport! Sakemm ovvjament mhux qed jaħseb li jespandi l-Freeeport fl-arja. Ikolli ngħid li l-pariri qed jeħodhom mingħand id-deputati tiegħu li fl-2006 ivvutaw favur il-mozzjoni ta’ George Pullicino li biha, iż-żona ta’ żvilupp f’Malta kibret bid-daqs ta’ 280 grawnd tal-futbol. Dwar l-ambjent, Simon Busuttil għandu l-imbarazzo della scelta mingħand min jieħu parir għax il-Partit Nazzjonanlista jibqa’ mmarkat fl-istorja bħala l-aktar partit li għamel sfreġji ambjentali.
Il-Partit Nazzjonalista għandu storja ta’ deċiżjonijiet li juru biċ-ċar li qatt ma kien man-naħa tan-nies, speċjalment ma dawk li jgħixu fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. Impjant taż-żibel, impjant tad-drenaġġ, tankijiet tal-gass u fish farms kienu kollha rigal tal-Partit Nazzjonalista lin-nies tas-South. Min-naħa l-oħra, ir-rigali ta’ Gvern Laburista għan-nies tas-South huma l-AUM, il-piċċ tal-waterpolo u tal-futbol f’Marsaskala, riġenerazzjoni f’Marsaxlokk, għeluq tal-powerstation tal-Marsa. Tneħħija tat-tankijiet tal-gass minn Birzebbugia u t-twaqqigħ taċ-ċumnija ta’ Dellimara.
Filwaqt li nħallu lil Simon jipprova jtella’ l-vapur mill-qiegħ, dan il-Gvern se jkompli jaħdem biex pajjiżna jkompli jikseb is-suċċessi u l-familji Maltin jgħixu aħjar.