Iffaċċjat b'rapport ppublikat dalgħodu fuq il-ġurnal l-orizzont dwar il-mod kif ivvota fil-kwistjoni tal-politika nazzjonali li tippermetti bini għoli f'ċerti żoni, l-Partit Nazzjonalista saħaq li l-kelliem tiegħu għall-Ippjanar dejjem kellu u għamel pubbliċi r-riżervi li kellu fuq l-inklużjoni tal-Imrieħel fil-Floor Area Ratio Policy (FARP). Ir-rapport fuq il-gazzetta dalgħodu jfakkar illi Callus kien ivvota favur din l-istess politika meta r-rapport finali kien tressaq għall-approvazzjoni tal-membri tal-Awtorità tal-Ippjanar f'Mejju 2014. Ir-rapport jakkuża lill-kelliem Nazzjonalista illi Callus u l-PN "qed jirrakontaw biss nofs verità."
F'kuntatt li dan is-sit għamel ma' Kelliem għall-Partit Nazzjonalista, staqsa għal reazzjoni għar-rapport li deher fuq il-mezzi tax-xandir dalgħodu. Il-kelliem tal-PN qal lill-illum.com.mt illi Ryan Callus kien tkellem dwar il-fatt li l-Imrieħel ma setax jiddaħħal f’dan l-abbozz peress li ma kienx inkluż fil-konsultazzjoni pubblika. Il-PN spjega kif l-istess Ryan Callus kien staqsa kif l-Imrieħel iddaħħal f’dan l-abbozz f’dak l-istadju, u r-risposta li ngħatat kienet li l-Imrieħel iddaħħal direttament mill-Gvern.
Ma' dan is-sit il-PN qal illi Callus kellu għażla li jew jivvota kontra l-'policy' kollha jew inkella jivvota favur b'riżervi fuq l-Imrieħel.
Intant l-istess rapport li deher dalgħodu fuq l-orizzont jirrapporta kif Kunsillieri u attivisti tal-PN f'Tas Sliema jinsabu diżappuntati hekk kif iħossu li l-partit ftit li xejn ħa pożizzjoni iebsa biżżejjed fil-konfront tal-kwistjoni kollha tal-bini għoli fil-lokalità, speċjalment fid-dawl tal-proġett Townsquare.
Separatament, iktar kmieni illum fi stqarrija, L-Awtorita' tal-Ambjent ippreċiżat illi ċ-ċermen Victor Axiaq kien indispost minħabba raġunijiet mediċi u kien għalhekk li ma setax jattendi għas-smigħ dwar il-proġetti ta' bini għoli. L-istqarrija ppreċożat ukoll illi d-deċiżjoni finali dwar l-appell fil-każ tal-iżvilupp fl-Imrieħel u f'Tas Sliema se jittieħed wara l-15 ta' Awwissu