F'artiklu iniggeż dwar l-assenza ta' Victor Axiaq mill-laqgħa illi fiha ttieħdet deċiżjoni dwar il-bini għoli Carmel Cacopardo, Viċi Ċermen tal-Alternattiva Demokratika, qal illi fis-siegħa tal-prova l-leħen ambjentali tal-Awtorita' tal-Ippjanar ma nstemax. "Fid-dibattitu biex il-MEPA tinqasam fi tnejn, b’falsità kbira, diversi esponenti tal-Gvern kienu qalu li l-ambjent kien ser ikollu leħen iktar determinanti u b’saħħtu meta jittieħdu d-deċiżjonijiet. Imma fis-siegħa tal-prova, il-leħen tal-ambjent kien marid bħall-Professur Victor Axiaq, u allura ma nstemax," sostna Cacopardo li filwaqt li awgura lil Axiaq fejqan ta' malajr qal ukoll li "għall-ambjent jidher li għad hemm ħafna diffikultajiet."
Cacopardo staqsa għalfejn Axiaq għadda l-fehmiet tiegħu lill-membru tal-Awtorita' tal-Ippjanar Timothy Gambin u għalfejn dan tal-aħħar m'għamilx is-sentimenti ta' Axiaq pubbliċi waqt il-laqgħa li ddeterminat l-iżvilupp ta' bini għoli fl-Imrieħel, kif ukoll f'Tas Sliema. "Il-mistoqsija hi għaliex Dr Timothy Gambin ma qalilniex x’jaħseb il-Professur Victor Axiaq dwar it-Torri ta’ Tas-Sliema? Dr Gambin biss jista’ jgħidilna għaliex huwa żamm l-informazzjoni għalih. Għaliex għamel hekk, hu biss jaf, s’issa. Dejjem sakemm ma jkollux il-kuraġġ li jitkellem il-Professur Victor Axiaq."
Intant id-Deputata Marlene Farrugia staqsiet jekk il-Gvern inqediex bil-Professur Victor Axiaq biex jagħti impressjoni li l-Awtorita' hija tal-ambjent ukoll. Farugia staqsiet jekk lil Axiaq il-Gvern issa hux se jkissirlu l-kredibilità, jgħasruh u jarmuh.
Il-PN jitlob li tkun ippublikata l-ittra ta' Axiaq
Intant fi stqarrija li ħarġet iktar kmieni llum, iil-PN qed titlob li dak li kiteb Axiaq dwar il-bini għoli jkun ppublikat.
"Dan kien l-ewwel test ta’ kredibilità għall-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, li iżda, ġie mtappan totalment," sostna l-Kelliem tal-PN għall-Ippjanar Ryan Callus. "F’isem ir-residenti ta’ Tas-Sliema, li se jintlaqtu direttament b’dan l-iżvilupp eċċessiv, u f’isem it-trasparenza, l-Partit Nazzjonalista jinsisti li dawn l-osservazzjonijiet jiġu ppubblikati minnufih. Hu ta’ tħassib ukoll il-fatt li minkejja t-talba tal-Profs Axiaq biex ikun nominat sostitut fl-assenza tiegħu, din it-talba ġiet irrifjutata. Daqstant ieħor hu ta’ tħassib il-fatt li l-Ministru tal-Ambjent, minkejja li kien konxju li l-vuċi ambjentali ma kenitx se tinstema’, baqa’ ma ħa ebda azzjoni."
Callus sostna li dan juri illi l-PN kellu raġun meta qal li bil-qasma fil-MEPA, l-ambjent kien se jiddgħajjef.