Il-passa tal-għasafar tal-plajja fl-aqwa tagħha
Speċi differenti ta' għasafar tal-passa jsibu refuġju fir-riżervi naturali Maltin
minn Albert Gauci Cunningham
Ninsabu fl-aqwa tas-sajf u għalkemm ħafna minna bħalissa jkunu qed igawdu l-ġranet twal u sħan u l-baħar li jdawwarna, għall-għasafar – jew għall-inqas għal uħud minnhom – il-passa tkun diġà bdiet ladarba l-istaġun tal-bejta issa għadda u mar u l-frieħ ikunu taru. Il-ħarifa, fil-fatt, tiġi kmieni għal dawk li huma magħrufin bħala ‘għasafar tal-plajja’ (waders) li jkunu l-ewwel li jibdew ipassu mill-Iskandinavja u aktar ’il fuq fl-Ewropa fejn is-sajf qasir iwassal biex dawn it-tip ta’ għasafar ifittxu ambjent aktar sħun u jtiru lejn l-inħawi tan-Nofsinhar.
Dan ifisser li tul dan il-perjodu tas-sena nosservaw l-ewwel għasafar tal-passa li waqt li jkunu fi triqithom lejn l-Afrika, jieqfu jistrieħu u jieklu fil-Gżejjer Maltin. F’Malta m’għandniex ħafna għadajjar li jilqgħu lil dawn l-għasfar, imma r-riservi naturali ta’ BirdLife Malta jipprovdu dan l-ambjent. Fil-fatt ir-Riservi Naturali tal-Għadira u s-Simar għal sena oħra qed jerġgħu jipprovdu rifuġju għal dawn l-ewwel għasafar tal-passa u dan is-sajf diġà rreġistrajna numru konsiderevoli ta’ speċi ta’ għasafar tal-plajja li żaru Malta.
L-aktar riċenti minn dawn kienu l-Paletti (Spoonbills) li fl-aħħar jiem kienu fir-Riserva Naturali tas-Simar. Dawn huma għasafar rari li diffiċli titfixkilhom ma’ oħrajn minħabba l-munqar twil u ċatt li jiddistingwihom, fil-forma ta’ mgħarfa li jużawh biex isibu l-ikel fl-ilma baxx. Tnejn minn dawn l-għasafar sbieħ qattgħu numru ta’ ġranet fir-Riserva Naturali tas-Simar. Minbarra l-munqar, il-Eurasian Spoonbill jingħaraf ukoll faċilment għax hu kollu abjad ħlief għas-saqajn u l-munqar iswed b’tarf isfar. Dan l-għasfur issibu f’ħabitat fejn ikun hemm l-għadajjar b’ilma baxx, u jbejjet f’kolonji fis-siġar jew fil-qasab. Fis-Simar dehru jitħalltu sew mal-Agretti Bojod (Little Egrets), għasafar ukoll kollha kemm huma bojod li issa ilhom mhux ħażin f’din ir-riserva tant li wħud minnhom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala residenti.
Għasafar oħra tal-plajja li ġew osservati fir-riservi ta’ BirdLife Malta tul Lulju u Awwissu kienu jinkludu numru ta’ frieħ ta’ Vellerani (Glossy Ibises) li qattgħu numru ta’ sigħat fir-riserva tal-Għadira fil-bidu ta’ dan ix-xahar. L-aktar fattur li jiddistingwi lill-Velleran hu r-rix, b’kuluri li jidhru qed ikanġu meta tħares lejh minn angoli differenti. Dan flimkien mal-munqar li wkoll hu partikolari, u li dan l-għasfur jużah biex ifittex l-ikel fl-ilma. Anke f’dan il-każ, il-ħabitat ta’ dan l-għasfur ma tantx jinstab f’Malta u allura dan l-għasfur rari jieqaf f’pajjiżna anke jekk fl-2014 kellna wieħed li qatta’ numru ta’ xhur fir-Riserva Naturali tas-Simar. Il-Velleran hu għasfur solitarju u qatt ma kien irrekordjat li bejjet f’Malta.
F’dan iż-żmien tas-sena meta l-għasafar tal-plajja jkunu temmew l-istaġun tal-bejta u jibdew il-passa twila mit-Tramuntana tal-Ewropa fid-direzzjoni tal-Afrika u jgħaddu minn fuq Malta, kien osservat wkoll għadd ta’ Pispisell. Fl-Għadira inħelsu lura fis-selvaġġ żewġ eżemplari tal-iSwejda Ċara (Wood Sandpiper) u Pispisella (Common Sandpiper) wara li twaħħlilhom ċurkett. Interessanti li wieħed minn
dawn kien reġistrat fis-Simar ftit wara. Każ ieħor interessanti hu dak ta’ Pispisella tad-Dabra (Dunlin) li kienet osservata fil-bidu ta’ Awwissu fir-Riserva Naturali tal-Għadira b’ċurkett Żvediż. Każ simili kien rappurtat is-sena l-oħra meta għasfur tal-istess speċi b’ċurkett mill-Ukrajna wkoll żar l-Għadira.
F’dawn il-jiem qed jiġi osservat ukoll l-ewwel ċaqliq ta’ rsieset fil-Gżejjer Maltin hekk kif diġà tfaċċaw diversi membri ta’ din il-familja ta’ għasafar, fosthom Irsieset Ħomor (Purple Herons), Irsieset Griżi (Grey Herons), Kwakk (Night Herons) u Agretti Bojod (Little Egrets).
Finalment, fl-Għadira wieħed għadu jista’ jara wħud mill-frieħ tal-Fras-servjenti (Black-winged Stilts) li issa nistgħu ngħidu li waslu biex iħalluna. Din hija speċi meqjusa bħala flagship għal Malta li tbejjet esklussivament sena wara l-oħra f’din ir-riserva mmexxija minn BirdLife Malta imma l-2016 kienet sena rekord minħabba li bejtu b’suċċess tliet pari ta’ Fras-servjenti, b’kull par ikollu erbat ifrieħ.
Apparti li dan is-suċċess huwa rekord fih innifsu għax qatt qabel ma kienu rreġistrati tliet pari ta’ Fras-servjenti jbejtu f’daqqa fl-Għadira, suċċess ieħor hu l-fatt li tnejn minn dawn kienu frieħ li twieldu f’din ir-riserva fl-2013 u din is-sena rritornaw fl-Għadira biex ikabbru l-frieħ tagħhom.
Dan kollu huwa xhieda ta’ kemm ir-riservi ta’ BirdLife Malta huma kruċjali għal għasafar tal-plajja li jfittxu kenn f’Malta huma u jtiru lejn in-naħa t’isfel tal-kontinent. Issa d-dilettanti u l-osservaturi tal-għasafar qed jistennew b’ħerqa l-passa tal-ħarifa meta minn fuq Malta jgħaddi t-tajr tal-priża. Minn Settembru l-attenzjoni kollha ddur fuq il-Buskett fejn BirdLife Malta torganizza r-‘Raptor Camp’ annwali għall-birdwatchers b’attenzjoni speċjali għall-kaċċa illegali hekk kif jerġa’ jiftaħ l-istaġun.