'Għażiż Prim Ministru, mhux qed ingergru ... imma naqqsilna t-taxxi'

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tipproponi li min jaħdem Għawdex iħallas nofs taxxa għal ħames snin li ġejjin....

Għażiż Joseph....il-lista tal-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ  Għawdxija għall-Baġit
Għażiż Joseph....il-lista tal-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija għall-Baġit

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija għamlet lista twila ta’ dak li tixtieq li tara għall-baġit li jmiss. Din il-lista tinkludi proposta biex kull min ikun impjegat f’Għawdex iħallas biss nofs it-taxxa li jħallsu l-ħaddiema impjegati f’Malta għal ħames snin sħaħ. Ir-raġuni għal din il-proposta, skont id-dokument ippublikat din il-ġimgħa stess, hija li jkun inutli li Għawdex tattira l-kumpanija jekk imbagħad ma tattirax biżżejjed nies li jistgħu jkunu impjegati fl-istess kumpaniji.

Din hija biss waħda mid-diversi proposti tal-istess organizzazzjoni li qed titlob ukoll illi kull intrapriża li timpjega 25 persuna jew aktar f’Għawdex, f’niċeċ pjuttost ġodda bħas-servizzi finanzjarji, żvilupp ta’ software u turiżmu mediku, jingħataw l-benefiċċju li jħallsu nofs it-taxxa għal 10 snin sħaħ.

Dawn mhumiex l-uniċi benefiċċji ta’ ħlas inqas f’taxxa, fil-fatt l-istess Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qed tipproponi wkoll li kull lukandier Għawdxi li jiddeċiedi li jiftaħ lukanda, ta’ 4 stilel jew ktar u b’100 kamra jew aktar, fil-ħames snin li ġejjin ma jħallsux taxxa lanqas. Dan apparti li l-kamra qed tagħmel proposta biex ma titħallasx taxxa jew bolla fuq l-art jew il-proprjetà fejn jinbnew dawn il-lukandi u li l-Gvern jagħti self b’interess baxx.

Fil-qasam tal-proprjetà l-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li titneħħa t-taxxa tal-boll fuq xiri ta’ proprjetà kwalunkwe, “li għalkemm tista’ taffetwa d-dħul tal-Gvern għall-ewwel, id-dħul li jonqos tagħmel tajjeb għalih it-taxxa mill-proprjetà”.

L-istess Kamra tagħmel enfasi fuq il-bżonn li jkunu allokati l-flus li hemm bżonn biex jibdew l-istudji dwar mina bejn Malta u Għawdex u tikkritika l-inazzjoni dwar il-fast ferry bejn il-gżejjer. Tipprponi wkoll sistema fejn turisti li jkunu se jqattgħu sebat iljieli jew iktar f’Għawdex jingħataw minimu ta’ tliet vjaġġi, kull persuna, b’xejn bil-Gozo Channel, minn u lejn Malta.  

“Jista’ jkun li qed jaħsbuna li qed ingergru” jgħidu tal-kamra tal-Kummerċ, “imma aħna għandna viżjoni li xi darba Malta u Għawdex, bid-differenzi ta’ bejniethom, it-tnejn jeċċellaw. “Għażiż Prim Ministru, l-attenzjoni diretta tiegħek biss fl-implimentar tas-soluzzjonijiet jista’ jagħtina l-kuraġġ biex niġġieldu għada.” 

More in Politika