'Resqin biex insiru deżert'

Tbassir għal xitwa sħuna b'temperaturi simili bħax-xitwa li għaddiet  - L-eks Kap tal-Uffiċċju Metereoloġiku u r-Rappreżentant Permanenti tal-Gvern Malti fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Metereoloġija Charles Galdies jelenka riperkussjonijiet gravi għal pajjiżna

Wara xitwa xotta u Sajf qoxqox..hemm probabilità li x-Xitwa li ġejja tkun pjuttost sħuna
Wara xitwa xotta u Sajf qoxqox..hemm probabilità li x-Xitwa li ġejja tkun pjuttost sħuna

“Resqin biex insiru deżert’. Dan sostnieh mal-ILLUM l-eks Assistent Direttur fid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent fil-MEPA Alfred Baldacchino b’reazzjoni għal tbassir li juri kif għat-tieni sena konsekuttiva hemm probabilità reali li pajjiżna u ż-żona tal-Mediterran jerġgħu jiffaċċjaw temperaturi ogħla minn normal matul l-ewwel tliet xhur tal-istaġun Xitwi li jmiss.

Mal-ILLUM, l-eks Kap tal-Uffiċċju Metereoloġiku u r-Rappreżentant Permanenti tal-Gvern Malti fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Metereoloġija Charles Galdies jispjega kif it-tbassir mill-Istitut Internazzjonali tar-Riċerka fil-Klima u s-Soċjetà fl-Università ta’ Columbia għax-xhur ta’ Novembru, Diċembru u Jannar tas-sena d-dieħla juru illi Malta mistennija, għal darb’oħra, tiffaċċja tempertauri li huma “ogħla minn normal”. fil-fatt, jgħid illi l-previżjonijiet għax-Xitwa 2017 “juru probabilità ta’ bejn 40% u 50% ta’ temperaturi li huma ogħla minn normal. Jekk dan il-persentaġġ huwa korrett,” kompla jgħid Galdies mal-ILLUM, “allura huwa probabli ħafna li nistennew temperaturi li huma simili għal dawk osservati matul ix-Xitwa li għaddiet.” 

Baldacchino ma jomgħodx kliemu u jgħid li Malta riesqa lejn “diżastru ekoloġiku, u xitwa oħra xotta se jkollha riperkussjonijiet kbar fuq pajjiżna għax se tgħaġġel il-proċess li bih qed jispiċċa l-ilma, qed imutu s-siġar, l-agrikoltura qed tmut u l-għelieqi jitħallew żdingati. Resqin biex insiru deżert bla ilma.”

Bla ilma: Il-prodott Malti l-ewwel li qed jaqlagħa

Siġar tal-lewż qed imutu u l-produzzjoni tal-għasel lokali naqset drastikament

Apparti l-iskumdità ta’ min ma jħobbx is-Sajf jew l-gost mitluf ta’ ilbies tax-Xitwa, jekk kollox imur skont it-tbassir ta’ Galdies, ir-riperkussjonijiet fuq pajjiżna jistgħu jkunu ferm aktar gravi u inkwetanti. L-ILLUM staqsiet lill-Galdies u lil Baldachino x’ikunu r-riperkussjonijiet fuq pajjiżna jekk ix-Xitwa li jmiss terġa tkun ġeneralment sħuna u niexfa bħal dik tal-2015/2016.

L-ilma taħt il-mannara ta’ thedida

Waħda mill-akbar thedidiet, forsi mingħajr wisq sorpriżi, hija fuq l-ilma. Fil-fatt Galdies jispjega lil din il-gazzetta illi bidliet sinifikanti fil-klima lokali jistgħu iwasslu għal “deterjorament tal-ilma ħelu fuq l-art kif ukoll taffetwa l-kwanti tal-ilma tal-pjan (groundwater). Huwa qal illi Xitwa niexfa oħra twassal biex il-provvista ta’ ilma f’pajjiżna u l-infrastruttura relatata jiffaċċjaw sfidi akbar “filwaqt li jkompli jittella’ ilma tal-pjan, mingħajr waqfien, speċjalment mis-settur agrikolu.”

Galdies iwissi illi repetizzjoni tal-kundizzjonijiet osservati x-Xitwa li għaddiet “mingħajr ebda dubju ta’ xejn jitfa’ aktar pressjoni fiq is-settur vulnerabbli tal-agrikoltura. L-ilma tal-pjan ikompli jittella’ mingħajr ma’ jkun hemm riforniment adekwat.”

Minn naħa tiegħu Baldacchino jgħid illi f’Malta kulħadd għal għajnu mill-ilma, “nara bawżers kbar għaddejjin minn fejn noqgħod jien. Bawżers kbar daqs żewġ xarabanks, jippumpjaw l-ilma minn taħt l-art 24 siegħa kuljum. Ħadd ma jgħid xejn u kulħadd għal għajnu.”  

Huwa jikkritika bil-qawwi lill-politiċi u Gvernijiet matul is-snin u anke lill-periti li  bnew it-toroq, “aħna pajjiż li nħarsu biss lejn il-flus u l-kummerċ u lanqas qed nindumaw xi ħsara tremenda qed nagħmlu lil pajjiżna u l-wirt ekoloġiku tagħna. Sewwa,” kompla jgħid Baldacchino, “infaqna €57 miljun biex għamilna mina, biex l-ilma tax-xita narmuh il-baħar u bnejna impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ u l-ilma minflok nużawh għall-agrikoltura nerġgħu narmuh. Pjanar ta’ xejn,” sostna b’ċerta grinta Baldacchino.

Diżastru fil-qasam tal-frott lokali u daqqa ta’ ħarta lill-agrikoltura

Il-prospetti ta’ Xitwa oħra xotta tista twassal għal perjodi twal ta’ nixfa li jwasslu għal diżastru fil-qasam tal-frott lokali, sostna Galdies mal-ILLUM. “Perjodu ta’ nixfa jista’ jwassal għal diżastru fil-produzzjoni tal-frott lokali bħall-larinġ/lumi, ħawħ u varjetajiet simili, jista jkollna wkoll żieda fl-ammont ta’ insetti u annimali li jeqirdu l-pjanti. Dan kollu jagħmel is-settur agrikolu iktar mhux sostenibbli milli diġa hu.”

Ma’ dan jaqbel Baldacchino li jfakkar kif bħalissa qed jseħħ fenomenu ikrah ta’ mewt ta’ bosta siġar li ilhom jipproduċu u jgħixu f’pajjiżna, fosthom dawk tal-lewż.

Intant l-ILLUM tkellem ukoll ma’ bejjiegħ ta’ prodotti Għawdxin. Dan informa lill-gazzetta li n-nuqqas ta’ xita fix-Xitwa li għaddiet wassal biex mhux qed jinbiegħ tin mqadded u lanqas għasel lokali. “U lanqas is-sena d-dieħla mhu se jkollna, qed ikolli nġib għasel ta’ barra.” Baldacchino ikkonferma dan u qal illi bħalissa dawk li jrabbu n-naħal f’Malta qed ikollhom jgħalfu lin-naħal biex ikunu jistgħu xehda (beehive) ħajja u tipproduċi.  

infaqna €57 miljun biex għamilna mina, biex l-ilma tax-xita narmuh il-baħar u bnejna impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ u l-ilma minflok nużawh għall-agrikoltura nerġgħu narmuh. Pjanar ta’ xejn,”

Iktar dipendenza fuq l-importazzjoni

Huwa jitkellem ukoll dwar it-thedida li qed jiffaċċjaw is-siġar li jwaqqgħu l-weraq il-Ħarifa u jgħid illi minħabba nuqqas ta’ staġjonalita’, riżultat ta’ temperaturi għoljin, tonqos il-produttivita’. Apparti dan, mal-ILLUM Galdies jgħid ukoll li Xitwa sħuna oħra tagħti daqqa ta’ ħarta lill-kultivazzjoni tal-għalf tal-annimali, li jkun ifisser li dawk il-Malti li jrabbu jsiru dejjem aktar dipendenti fuq l-importazzjoni ta’ prodotti minn barra.

Riskji akbar ta’ mwiet minħabba sħana

Mal-ILLUM Galdies ifakkar kif apparti t-theddida fuq l-ilma u l-agrikoltura, Xitwa oħra xotta, bi sħana prattikament estiża għal ħafna mill-Ħarifa, r-Rebbiegħa u anke f’partijiet konsiderevoli tax-Xitwa tista twassal għal thedida fuq saħħet in-nies ukoll. Huwa fakkar kif l-impatti li jista jkollha xitwa xotta, b’perjodi itwal ta’ nixfa jistgħu għal riskji akbar ta’ mwiet u żieda fil-mard trażmess mill-ikel u l-ilma.

 It-tort huwa tal-politiċi

Il-kritika ta’ Baldacchino tiħrax u mal-ILLUM jippunta s-swaba’ kollha lejn il-politiċi għal dak li hu jiddeskrivieh bħala l-pass ta’ pajjiżna lejn deżertifikazzjoni. “It-tort huwa tal-politiċi li jibqgħu jipposponu d-deċiżjonijiet għax iħarsu biss f’termini elettorali u jafu li n-nies, sakemm għandhom x’jieklu u x’jixorbu mhuma se jgħidu xejn.”

Huwa jtemm jgħid li hemm bżonn ta’ pjan għas-snin li ġejjin biex nsalvaw l-ilma u l-politiċi jeħtieġ iġorru r-responsabilita’. Għarukaża, għaddejna minn taħt idejn Gvernijiet barranin u dak kollu li sibna f’dan il-qasam, kissirnih. Il-ħsara tremenda li qed issir lil dan il-pajjiż hija inkredibbli.”

 

More in Politika