Il-qarrejja tal-illum.com.mt, fil-maġġoranza kbira tagħhom, huma sodisfatti illi Bundy kien maħtur Kap Eżekuttiv tal-PBS. Fil-fatt, minn dawk kollha li pparteċipaw fl-istħarriġ li baqa’ għaddej sa din il-ġimgħa u li staqsa lill-qarrejja jekk jaqblux mal-ħatra ta’ Bundy, 66% jħossu li l-ħatra kienet waħda meritata.
L-aktar għażla popolari tal-qarrejja kienet li Bundy kien ħaqqu jibda jokkupa din il-kariga minħabba li għandu l-kwalitajiet neċessarji. Fil-fatt kienu b’kollox 847 qarrej tal-illum.com.mt, jew 48.5%, li jħossu illi l-għażla ta’ Bundy kienet meritata. Minn naħa l-oħra 306 qarrej huma tal-fehma li bidla fit-tmexxija tal-PBS kienet ilha tinħass li hemm bżonnha.
Dawk li ma qablux mal-ħatra ta’ Bundy inqasmu, bil-maġġoranza tagħhom jew 333 qarrej iħossu li l-ħatra tiegħu kienet waħda purament politika. Dan anke jekk il-Ħadd li għadda din il-gazzetta ppublikat artiklu illi fih ikkwotat lil Bundy jgħid li kull min jgħid li kien mwiegħed xi pożizzjoni minn Muscat qabel l-aħħar elezzjoni ma kienx jaf x’inhu jgħid. Kienu biss 4.5% tal-qarrejja li ma qablux mal-ħatra ta’ Bundy għax kellu jibqa’ jżomm postu Anton Attard. B’kollox kienu 10% biss tal-qarrejja li qalu illi ma tantx jinteressahom mill-kwistjoni.