Xalata ta’ multi mill-Wardens f’Għawdex waqt il-weekend ta’ Santa Marija

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA) u mill-Gozo Business Chamber (GBC) urew tħassib serju li x-xogħol tagħhom biex jippromwovu Għawdex ġie mtebba mill-azzjonijiet tal-Wardens

Minkejja nuqqas ta' parkeġġ, il-Wardens fir-Rabat, Għawdex ħadu l-okkażjoni biex jagħtu numru eċċessiv ta' multi
Minkejja nuqqas ta' parkeġġ, il-Wardens fir-Rabat, Għawdex ħadu l-okkażjoni biex jagħtu numru eċċessiv ta' multi

Fi stqarrija mibgħuta mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA) u mill-Gozo Business Chamber (GBC), iż-żewġ entitajiet esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom dwar in-numru ta’ nies , kemm Maltin kif ukoll turisti, li żaru l-gżira t’Għawdex tul il-weekend ta’ Santa Marija.

Il-GTA u l-GBC jemmnu li bil-mezz tal-kamapanji ta’ promozzjoni biex jiġi reklamat Għawdex, u kollaborazzjoni bejn l-entitajiet kollha kkonċernati, in-numru ta’ viżitaturi f’Għawdex kienu ta’ kontribuzzjoni kbira għall-ekonomija tal-gżira.

Minkejja dan kollhu, iż-żewġ entitajiet li jirrapreżentaw il-maġġoranza tan-negozji f’Għawdex urew tħassib serju dan ix-xogħol kollhu jista’ faċilment jiġi mtebba minn ċerti deċiżjonijiet ħżiena u mgħaġġla u azzjonijiet inġusti .

Filwaqt li kemm il-GTA u l-GBC huma favur il-ħarsien tal-liġi u l-ordni u jirrispettaw kull deċiżjoni fir-rigward ta’ dan, huwa t-tnejn li huma ma jaqblix mal-mod kif ingħataw numru kbira ta’ ċitazzjonijiet matul il-weekend ta’ Santa Marija, speċjalment fil-Belt Kapitali. Fl-istqarrija, jingħad li huwa mifhum kemm hemm nuqqas qawwi ta’ parkeġġ anke għar-residenti fi ġranet normali tas-sena, aħseb u ara biex jaqdu l-bżonnijiet taż-żieda kbira ta’ vetturi li raha r-Rabat fil-jiem li għaddew. Għalhekk, iż-żewġ entitajiet, saħqu li stennew aktar sens komun minn naħa tal-gwardjani lokali f’weekend daqshekk bieżel, fejn il-ġżira kellha bħala mistednin tagħha numru kbira ta’ nies bil-vetturi tagħhom. Sens komun, kien jirrikjedi li l-gwardjani lokali, misshom ħadu azzjoni preventive u pjanar maniġġjar tal-parkeġġ minflok ħatfu l-okkażjoni biex jagħtu numru ta’ ċitazzjonijiet eċċessiv. In-nuqqas ta’ parkeġġ fir-Rabat, Għawdex, ma kellux ikun il-problema u l-kastiġ ta’ dawk li żaru l-gzira.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA), Paul Scicluna, flimkien mal-President tal-Gozo Business Chamber (GBC) ħadu wkoll l-opportunità biex jirringrazzjaw lill-Gozo Channel u l-ħaddiema kollha tagħha, għas-servizz offrut tul il-ġranet madwar Santa Marija, filwaqt li jinkuraġġixxu l-awtoritajiet kompetenti biex ikomplu jaħdmu lejn il-ġid komuni ta’ Għawdex u ma jħallux sitwazzjoni bħal din tkun ta’ detriment biex wieħed iżur Għawdex, u toqtol l-isforz u x-xogħol kollhu li sar biex il-gżira tiġi reklamata biex tattira n-nies iżuruha.

More in Politika