Godfrey Farrugia, tkellem kontra l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-kumpanija Bilom li jridu jibnu park industrijali fil-barriera tagħhom f’Wied Inċita.
“Wied Inċita ġie stuprat mis-siedien tal-Barrieri, li ġabu l-abitat tiegħu bla ħajja… u l-irregolaritajiet huma magħrufin sew,” saħaq Farrugia.
Farrugia żied jgħid jgħid li jidher li qed tintuża lakuna fil-politika, li biha qed tiġi abbużata l-politika favur is-‘solar farms’ biex jiġi żviluppat park industrijali f’art barra ż-żona tal-iżvulupp (ODZ)… u li se jgħinu l-impatt ambjentali billi-jżidu park għall-familji bħala parti mill-proġett.
Sarkastikament, f’kumment li għamel fuq facebook, Farrugia żied jgħid “wow…għandna nkunu veru grati ta dan…”
Il-proposta tal-kumpanija Bilom, tinkludi l-iżvilupp ta’ park industrijali għall-intrapriżi zgħar u ta’ daqs medju, mgħammar b’sistema ta’ pannelli solari sovrastanti, fuq medda ta’ art ta’ 158,000 metru kwadru, fuq is-sit fejn bħalissa tinsab il-barriera.
Filwaqt li qiegħed jissemma l-bini ta’ park għall familji wkoll, dan se jkun wed jokkupa biss 2,550 metru kwadru mill-medda kollha tal-art li minnha se jintiżaw 55,000 metru kwadru għal imħażen u 7,460 metru kwadru għal ċentru kummerċjali.
Parti mill-lakuna dwar il-liġi għall-iżvilupp ta’ ‘solar farms’, ġiet użata billi l-park għall-familji qed jiġi meqjus bħala l-‘buffer zone’ bejn il-barrieri u ċ-ċentru abitat, fil-proposta għall-park industrijali.
Farrugia temm jgħid li “jien ngħid assolutament LE għal aktar distruzzjoni tal-wirt naturali tagħna.”