Żieda ta’ kważi 21,000 impjieg fi ftit aktar minn tliet snin

Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern ta' Malta, ġie żvelat li n-numru ta' nies b'impjieġ fiss tela' għal 176,368, żieda ta' madwar 21,000

Żieda ta' madwar 21,000 impjieġ fi żmien tliet snin
Żieda ta' madwar 21,000 impjieġ fi żmien tliet snin

Sa tmiem Marzu li għadda, in-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 176,368. Dan ifisser li, mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 20,956 impjieg full-time, dan meta matul il-ħames snin kollha tal-amministrazzjoni preċedenti t-tkabbir kien ta’ 11,250 impjieg full-time.

Fi tliet snin l-impjiegi żdiedu kważi darbtejn iktar miż-żieda f’ħames snin sħaħ. Fl-ewwel tliet snin ta’ din l-amministrazzjoni, kuljum żdiedu 19-il impjieg full-time. Din hija tliet darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.

Taħt din l-amministrazzjoni kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir. Tispikka żieda ta’ tlett elef u disa’ mitt impjieg fis-servizzi amministrattivi, madwar elfejn fis-servizzi tekniċi u professjonali, elf u sitt mija fis-servizzi finanzjarji, u żieda ta’ elf u erba’ mitt full-timer fl-informatika u l-kommunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ elf u ħames mitt impjieg fis-settur tal-bejgħ, elf u erba’ mitt impjieg fil-lukandi u ristoranti, u tkabbir ta’ elfejn u tliet mitt impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.

L-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’tliet mija u ħamsin fil-manifattura u b’seba’ mija fil-kostruzzjoni, żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir qawwi fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ elf u sitt mitt impjieg full-time.

Mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 18,124 persuna full-time mas-settur privat, li jfisser li disgħa minn kull għaxar impjiegi ġodda inħolqu fis-settur privat. Dan imur għal kollox kontra l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi ġej mis-settur pubbliku.

L-impjiegi fis-settur pubbliku llum huma 25.2% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti kienu 26.7%. Mhux talli ma żdidietx id-dipendenza fuq is-settur pubbliku, imma talli fil-fatt naqset. Fl-istess ħin, il-Gvern ma naqasx li jżid ir-riżorsi f’setturi importanti tas-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn, imqabbel mal-bidu tal-amministrazzjoni, illum hemm elf u ħames mitt persuna aktar jaħdmu fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika biex jagħtu servizzi aħjar lill-familji tagħna.

Fost l-aktar li gawdiet mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm il-gżira Għawdxija fejn kien hemm żieda ta’ aktar minn elf u mitejn impjieg full-time. Dan it-tkabbir, fi ftit aktar minn tliet snin, huwa diġà d-doppju taż-żieda fl-impjiegi li kien hemm f’din il-gżira matul il-ħames snin kollha tal-amministrazzjoni preċedenti.

Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern qed twassal għal tkabbir ekonomiku li jissarraf f’bidla pożittiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżna.

More in Politika