Ta’ Montebello b’idejhom marbutim fuq il-Jerma

Pressjoni kbira wara l-infurzar fuq il-Jerma

Jerma - Minn lukanda lussuża għal binja mostruża
Jerma - Minn lukanda lussuża għal binja mostruża

Idejn l-aħwa Montebello, sidien tal-kumpanija JPM Brothers, jinsabu marbutin waħda sew u minkejja rapporti li minflok il-Jerma se jsir żvilupp ta’ boutique hotel u bajja, l-Awtorità tal-Ippjanar ilbieraħ ħarġet ordni ta’ infurzar fuq żewġ siti, t-tnejn tal-istess JPM Brothers. Din l-ordni tiġi fid-dawl ta’ deterjorament serju fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-istess kumpanija, li għandha djun kbar xi tħallas lil banek lokali u internazzjonali, kif ukoll lil terzi persuni.

Sorsi mill-Awtorità tal-Ippjanar infurmaw lill-ILLUM li fid-dawl tal-qagħda finanzjarja mwiegħra, l-aħwa fadlilhom biss ftit għażliet. Jew ibigħu, kif kienu diġà pruvaw jagħmlu mingħajr suċċess lil Gasan, jew inkella jsibu investitur li huwa lest jinvesti f’lukanda. Is-sorsi ta’ di il-gazzetta qalu li fil-fatt, l-aħwa kellhom laqgħa informali ma’ nies mill-awtorità biex jaraw kemm żvilupp ta’ lukanda u moll fejn isir l-irmiġġ ta’ dgħajjes hu possibbli fiż-żona, skont il-politiki tal-awtorità.

L-aħwa Montebello mhux qed jintlaqgħu b’wisq interess għat-talba tagħhom ta’ investiment ta’ lukanda fiż-żona mill-iżviluppaturi b’bosta minnhom aktar interessati li jinvestu flushom fil-qasam tal-proprjetà ta’ lussu, li hu suq li bħalissa hemm domanda qawwija għalih.

Attentat simili ta’ bejgħ mill-aħwa Montebello diġà sar, imma falla. Gasan, li quddiemu ta’ Montebello ressqu l-proposta, kien rappurtat jgħid li ma tantx kien komdu “għax bdew jgħaġġluna biex nikkonkludu l-ftehim.” 

Il-permess mogħti mill-MEPA  għall-proġett tal-Mistra għadu validu 

L-aħwa Montebello ilhom jiffaċċjaw problemi finanzjarji għal żmien pjuttost twil issa, tant li f’Mejju tas-sena l-oħra, il-gazzetta oħt Maltatoday kienet irrappurtat kif kien għad kellhom iħallsu mat-€3.5 miljun lil accountant Charles Schriha li talab dawn il-flus għal konsulenzi u servizzi mogħtija lil JPM Brothers, inkluż rappreżentanza fix-xiri tal-art mingħand il-Libjani. L-aħwa imma, qalu li l-flus jingħataw lil Schriha ladarba l-proprjetà tkun mibjugħa, meta jsir il-konvenju jew meta jsir il-bejgħ tal-ishma.

Mistra – Tneħħa kumpless mill-isbaħ, biex illum għandna ħofra
Mistra – Tneħħa kumpless mill-isbaħ, biex illum għandna ħofra

Apparti l-Jerma, l-akbar uġigħ ta’ ras għall-aħwa kien il-proġett tax-Xemxija. F’Ottubru tas-sena 2010, JPM Borthers flimkien mal-ġgant tal-proprjetà mill-Kuwait, Al Massaleh iddaħħlu l-Qorti hekk kif kienu ntallbu jħallsu total ta’  €42 miljun lill-Bank Bawag f’self li baqa’ ma tħallasx biex isir il-proġett tal-Mistra. Il-proġett tal-Mistra, minkejja li kiseb l-approvazzjoni tal-MEPA fl-2013 baqa’ fuq l-ixkaffa sal-lum.

Proġett ieħor tal-aħwa Montebello kien dak tal-‘A3 Towers’ f’Raħal Ġdid, li baqa’ vojt għal ħafna żmien, sakemm xtraw proprjetajiet fih il-General Workers Union u anke l-oqsma tal-liċenzjar tal-vetturi ta’ Transport Malta.

L-aħwa kienu spiċċaw fiċ-ċentru ta’ każ il-Qorti b’akkużi ta’ tixħim, li minnhom kienu ġew meħlusa. L-eks segretarju tal-eks Ministru Tonio Fenech, Noel Borg Hedley kien ammetta li rċieva flus mingħand JPM Brothers biex inaqqas jew jelimina tariffi li kellhom jingħataw lil Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Finanzi. Minkejja dan, l-aħwa kienu meħlusin hekk kif ma setatx tkun stabbilita konnessjoni bejn id-donazzjonijiet mogħtijin lil Borg Hedley u t-tnaqqis jew tneħħija ta’ tariffi. 

L-aħwa Montebello kien irnexxielhom iżommu fil-wiċċ għal xi żmien bil-bejgħ ta’ proprjetajiet fi Triq Depiro, Tas Sliema, fil-bini li kien ġie żviluppat minflok il-Lukanda Galaxy.  

L-ILLUM tinsab infurmata li l-ordni ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar għamlitha ċara li s-sit tal-Jerma u dak fix-Xemxija kellhom jkunu rijabilitati, hekk kif tħallew “f’abbandun u telqa totali” tefgħet pressjoni kbira fuq l-aħwa Montebello. Sorsi qalulna li dan kien sinjal ċar mill-awtorità li mhux se tibqa’ tittollera li din is-sitwazzjoni titwal iktar.  

Intant, filwaqt li fil-każ tal-Jerma jidher li l-ordni tal-Awtorità tfisser li jridu jwaqqgħu, mhux ċar eżattament x’se jiġri fil-każ tal-proġett tax-Xemxija, liema proġett kien ingħata l-permess fis-sena 2013 wara snin ta’ tibdiliet u rtokki għall-pjani oriġinali. Dan hekk kif il-permess għall-proġett tal-Mistra jibqa’ wieħed validu, anke jekk l-iżviluppatur mill-Kuwait, flimkien ma’ ta’ Montebello, waqqgħu l-pjani għall-proġett.

F’kumment ftit wara li ħarġet l-aħbar, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Deborah Schembri faħħret dan il-pass mill-Awtorità tal-Ippjanar.

More in Politika