Ir-riżultat tar-referendum seta’ ġie bħala pillola qarsa għal ħafna fir-Renju Unit, madwar l-Unjoni Ewropea u anke għal ħafna f’Malta. Iżda jidher li l-mixja Brittanika ’l barra mill-UE qed twassal għal interess qawwi ħafna minn diversi kumpaniji biex jirrilokaw hawn Malta.
L-ILLUM tinsab infurmata li l-Malta Enterprise bħalissa għaddejja bi trattattivi ma’ tliet kumpaniji li bħalissa qed joperaw fir-Renju Unit u li qed juru interess qawwi li jmexxu l-operat tagħhom f’pajjiżna. L-ILLUM hija infurmata wkoll li dawn il-kumpaniji ġejjin mill-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-assigurazzjoni, żewġ setturi li fihom, bħalissa hemm inċertezza kbira fir-Renju Unit. Għadu mhux magħruf fiex waslu dawn id-diskussjonijiet, għalkemm jidher li sakemm ikun hemm ftehim finali, il-Malta Enterprise u l-Gvern se jibqgħu kemm jista’ jkun kawti.
Il-vot favur Brexit qed iwassal għall-inċertezza fost bosta li joperaw fis-servizzi finanzjarji, bil-bżonn ta’ qafas regolatorju ġdid li se jkollu jkun imfassal qabel mar-Renju Unit jitlaq mill-UE.
Dawk li qed joperaw Malta applikaw biex ikabbru n-negozju
Bosta kumpaniji, fosthom tal-assigurazzjoni, qed jibżgħu li se jitilfu mis-saħħa li għandhom li jiddeterminaw il-ħolqien ta’ regoli fis-settur u l-banek ikollhom joħolqu sussidjarji Ewropej, minflok awtomatikament jiftħu fergħat fil-pajjiżi fejn jixtiequ.
L-ILLUM hija infurmata li apparti l-klima ta’ inċertezza li ħoloq il-Brexit, ħafna mill-kumpaniji mir-Renju Unit u li diġà qed joperaw Malta applikaw għal tkabbir fin-negozju tagħhom. Dan qed iservi ta’ riklam kbir għall-pajjiżna u b’hekk jattira iktar interess Brittaniku lejn Malta.
Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li fil-Parlament, ftit wara li kien magħruf ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit, ħabbar li l-Gvern se jkun qed jimbarka fuq strateġija li tattira lejn pajjiżna kumpaniji mir-Renju Unit.