"Ladarba l-mara ssir tqila, ġisimha ma jibqax tagħha biss." Hekk sostna Josie Muscat f'artiklu li kien ippublikat illum fil-ħarġa tal-ġurnal The Times u li fihrwe jargumenta illi jekk bħala soċjetà nemmnu fid-dritt tal-ħajja, mela allura minkejja li l-mara għandha l-possibilità bioloġika li toħroġ tqila xorta m'għandhiex dritt illi "teqred dak li hu tagħha." F'dan il-punt tal-artiklu tiegħu Muscat jikkwota l-kmandament 'la toqtolx' u jgħid illi dan il-kmandament ma jispeċifikax jekk il-qtil jistax isir fil-ġuf jew le.
Huwa jfakkar illi l-mara li għandha t-tarbija mhix l-unika ħallieq u prokreatur, "għax biex ikollok tqala ikollok bonn raġel li huwa konxju tar-riżultat tal-azzjonijiet tiegħu. L-embrijun ikollu l-karatteristiċi tat-tnejn," jisħaq Muscat, li jgħid illi l-argument illi t-tarbija hija tal-mara jipprevjeni lill-missierijiet milli jġorru r-responsabilitajiet tagħhom.
Iktar minn hekk, fil-mira ta' Josie Muscat spiċċaw ukoll il-kontraċettivi u l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess. Huwa jagħmel mistoqsija retorika u jalludi li metodi differenti ta' kontraċezzjoni wasslu biex jiżdied il-mard trażmess mis-sess bħall-HIV.
"Povri tfal, saru qishom il-ġugarelli moderni tagħna," jgħid f'punt minnhom Muscat.