Fi stqarrija tal-GRTU, sar aċċenn għall-importanza illi jiġu nkoraġġati metodi u miżuri li jħeġġu lill-konsumatur Malti jinvesti f’ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva u għal darb’ oħra il-GRTU tinsab sodisfatta li l-fondi qeġħdin jigu assorbiti b’ritmu mgħaġġel.
“Dan hu ukoll frott tax-xogħol siwi li għamel is-settur privat bl-investiment tiegħu biex jġħarraf il-konsumatur bl-iskemi u l-għajnuna li ingħatat biex dawn japplikaw.”
Il-Ministru Konrad Mizzi ikkonsulta u mexa fuq suġġerimenti tal-GRTU meta approva li jiżdiedu l-fondi allokati b’żewg miljuni għall-iskema kurrenti sabiex ikopru in-numru kollu ta’ applikazzjonijiet li daħlu għall-installazjonijiet ta’ panelli fotovoltajiċi fuq bini residenzjali privati. B’hekk ħadd mill-applikanti ma tħalla barra u ġie evitat ħafna xogħol doppju għas-sidien tal-ħwienet.
Il-GRTU hi l-entitá li dejjem irsistiet sabiex ikun hemm biżżejjed fondi allokati għal dawn l-iskemi. Dawn iż-żewg miljun ewro li għadhom kif żdiedu flimkien mal-ħames miljuni ewro oriġinali, kienu parti minn fond ta’ 15 il-miljun ewro innegozjati mill-GRTU mal-ministeru responsabbli mill-fondi ewropej, li minnu sa issa ttieħdu seba’ miljuni. Il-GRTU fil-fatt tħeġġeġ lil Gvern sabiex fid-dawl tas-suċċess li dejjem kellu dan is-settur u fid-dawl tal-ġid komuni li joħloq, jibdew minn issa tħejjijiet sabiex jigu allokati aktar fondi għal meta jispiċċaw dawn it-tmien miljuni li fadal.
Il-GRTU nnotat b’sodisfazzjon l-attitudni ta’ din l-aministrazzjoni li tmexxi l-quddiem fejn tidħol enerġija nadifa u dan isir b’mod li jkunu sensittivi għal bżonnijiet tas-settur privat, li tant hu parti importanti fil-proċess minħabba s-servizz li jagħti, permezz ta’ konsultazzjoni kontinwa. Il-GRTU taprezza sforzi bħal dawk tar-REWS fejn ġiet introdotta skema ġdida kompjuterizzata, sistema li ffacilitat ix-xogġol għal bejjiegħa tal-panelli, żiedet it-trasparenza u li ġiet introdotta b’mod professjonali u bi ftit li xejn intoppi irraportati.
“Għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir sabiex jintlaħqu il-miri ta’ 2020,” saħqu l-GRTU, “iżda l-gvern jidher kommess li jaħdem magħna sabiex jintlaħqu dawn il-miri u l-ġid li jiġi ġġenerat minn dan ix-xogħol jitgawda min-negozji, familji u ħaddiema Maltin.”