Fi stqarrija tal-Malta Developers Association (MDA), intqal li wara diskussjonijiet fit-tul li l-assoċjazzjoni kellha ma’ diversi entitajiet governattivi, fosthom il-Ministru Konrad Mizzi, ser tkun possibbli li jiġu żviluppati sistemi fotovoltajici ta’ kobor aktar min 1 MW, magħrufa bħala ‘Solar Farms’.
L-iżviluppaturi tal-MDA, flimkien mal-imprendituri fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, ser ikunu qed jinvestu iktar minn qatt qabel sabiex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropeja biex 10 fil-mija tal-konsum gross tad-dawl ta’ Malta ikun minn dawn is-sorsi sa s-sena 2020.
L-MDA tiddikjara li l-imprendituri, li jaħdmu f’dan is-settur u li illum huma kollha membri tagħha fis-Sezzjoni tal-Enerġija Alternattiva, ser tkun qed taħdem bis-sħiħ sabiex din l-iskema tkun suċċess fl-interess tal-pajjiż, għall-ġid tal-pubbliku in ġenerali u fl-interess tal-settur tal-enerġija alternattiva.
Filwaqt li l-MDA tibqa’ impenjata li tkompli taħdem mal-Gvern, l-awtoritajiet u mas-service providers tal-enerġija alternattiva sabiex is-settur ikompli jikber b’mod konsistenti fis-sezzjoni ta’ produzzjoni ta’ enerġija nadifa, anke fuq skala kummerċjali, tħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda fil-proċess amministrattiv meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li dawn il-proġetti jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli.
L-MDA tesprimi sodisfazzjon sħiħa li f’qasir żmien kisbet il-fiduċja ta’ dan is-settur ukoll u rnexxielha tagħmel suċċess f’dan il-qasam sabiex tilħaq l-għan ewlieni tagħha li ta’ bilħaqq l-iżvilupp f’pajjiżna jkun verament sostenibbli.